Il-Gvern għaddej b’negozjati sabiex jirċievi t-tieni pagament ta’ €60 miljun mill-Pjan ta’ Rkupru u Reżiljenza li ġej minn fondi Ewropej.
Dan tħabbar f’intervista ma’ ONE News mis-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett.
“Huwa pjan li qed jimxi fil-ħin, fil-fatt għadna kemm għamilna l-claim għat-tieni pagament għal €60 miljun oħra li ftit xhur għandhom jaslu lejn Malta, wara l-verifiċi. M’għandiex dubju li juru li l-fondi nfaqnihom kif suppost.”
Ma’ ONE News, is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett semma kif fiż-żjara tagħha f’pajjiżna f’Settembru li għadda, il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen sejħet il-pjan ta’ Malta bħala “eċċellenti”, hekk kif 70% ta’ dan il-pjan huwa favur il-qalba ambjentali u diġitali.
Ma’ Chris Bonett tkellimna dwar dak li sar fis-settur tal-fondi Ewropej is-sena l-oħra.
“Bdejna naħseb mod importanti mmens għax ħabbarna l-mod kif se nonfqu t-€2.2 biljun li l-Prim Ministru Robert Abela kien innegozzja, ftit tas-snin qabel. Però kienet sena diffiċli u eċitanti, minħabba l-fatt li ħa nagħlqu l-pakkett ta’ fondi tas-snin 2014 u 2020, allura speċjalment l-aħħar xhur tas-sena sar ħafna xogħol f’dak ir-rigward u dak għalaqnih b’suċċess.”
Bonett tkellem ukoll magħna kif din is-sena, il-Gvern se jkompli jara li l-fondi Ewropej ikunu l-fondi tan-nies permezz tas-simplifikazzjoni fil-proċessi.