Wara li din il-ġimgħa, fil-Parlament kompla t-tieni qari sabiex l-arġentiera jiġu trasferriti taħt ir-responsabilità tal-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u d-Drittijiet tal-Konsumatur, il-Gvern għaddej b’diskussjonijiet mal-MCAST sabiex din is-sengħa terġa’ taqbad.
Dan intqal mis-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Konsumaturi Deo Debattista, waqt żjara fl-uffiċini ta’ din l-Awtorità fil-Blata l-Bajda.
Is-Segretarju Parlamentari Debattista stqarr, “Dan bi skop li l-ewwel ħaġa jkompli l-konsumatur ikun protett f’dan il-qasam, imma iktar minn hekk huwa l-fatt li kif wieħed jista’ josserva l-ammont ta’ arġentiera f’Malta qed jonqos, allura aħna għaddejjin b’diskussjonijiet mal-MCAST, ħa nerġgħu nrawmu din is-sena biex jekk Alla jrid din il-parti essenzjali u tradizzjoni tal-kultura Maltija wkoll kompli timraħ.”
Fi żjara fl-Awtorità ntqal kif fl-aħħar sena tal-pandemija kien hemm żieda ta’ tletin fil-mija fl-ilmenti b’rabta ma’ safar.
Intqal ukoll kif matul il-pandemija, din l-awtorità nediet il-kunċett li tista’ tressaq ilment minn fuq il-midja soċjali mingħajr ma’ jkun hemm il-ħtieġa li tmur fl-uffiċini tal-awtorità.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo qal kif bħala Gvern irid jassigura servizz aħjar u jkun hemm iżjed kompetizzjoni ħielsa.
“Din hija Awtorità li qed isservi servizz importanti ħafna. Tul is-sena li għaddiet irregistrat ‘il fuq minn 12,000 ilment mingħand il-konsumaturi. Irridu nassiguraw ruħna li d-drittijiet tal-konsumaturi lokali jiġu mħarsa kemm jekk qed jixtru minn Malta u anke jekk jixtru online”, sostna l-Ministru Bartolo.