Permezz ta’ ftehim, il-gvern għadda art f’Birżebbuġa sabiex tkun tista’ tissaħħan il-pixxina fin-naħa t’isfel ta’ Malta.
L-art, li għaddiet lill-Birżebbuġa Aquatic Sport Club, se tiġi trasferita lill-klabb għal perjodu ta’ 45 sena b’kera ssussidjata sostanzjalment, kif inhi l-prattika tal-gvern għal żoni magħżula għall-isports. F’għeluq il-45 sena, il-ftehim jista’ jerġa’ jiġġedded.
Apparti pixxina b’ilma msaħħan, se jinbnew ukoll żoni għall-ispettaturi.
B’dan l-investiment fil-faċilitajiet għall-isportivi u d-dilettanti ta’ din it-tip ta’ dixxiplina sportiva, il-waterpolo u l-għawm, issa n-naħa t’isfel ta’ Malta se jkollha wkoll pixxina b’ilma msaħħan, flimkien ma’ dik ta’ Bormla li kienet inawgurata ftit tal-ġimgħat ilu.
Preżenti f’isem il-Gvern, il-Ministru responsabbli mill-Isport Clifton Grima qal kif dan il-ftehim se jkompli jgħolli l-livell tal-isport f’pajjiżna anki fuq livelli lokali, filwaqt li jkompli jaħdem biex l-isport isir aktar aċċessibbli għal kulħadd.
“Qegħdin naraw Klabb fl-isport akwatiku illi għandu l-għodda llum il-ġurnata li permezz tagħha jista’ jippjana għall-futur tiegħu, kif jista’ jinvesti aktar fit-tfal u ż-żgħażagħ li jattendu għat-taħriġ sportiv.”
Il-Ministru żied jgħid li dan it-trasferiment tal-art juri l-impenn tal-gvern li jkompli jwettaq il-wegħdiet sportivi elettorali tiegħu, inizjattivi li l-għan tagħhom huwa li l-klabbs u l-federazzjonijiet sportivi jkollhom l-għodda u l-faċilitajiet biex ikompli jikbru.
Dawn il-faċilitajiet ta’ Birżebbuġa se jkunu wkoll għall-użu tal-Youth Nursery tal-Klabb u fil-ħinijiet tal-iskola, bi ftehim, tinfetaħ għall-użu tat-tfal tal-iskola.
Min-naħa tiegħu, il-President ta’ Birżebbuġa Aquatic Sport Club, Jason Bonnici qal li dan se jkun pass kbir ’il quddiem fl-istorja ta’ dan il-klabb.
“Dan il-ftehim għalina jfisser ħafna għax fiha issa nistgħu nibnu l-plant fejn se nqiegħdu sistema tat-tisħin ta’ din il-pixxina biex ‘il quddiem nibdew nużawh ukoll fix-xitwa kemm għaż-żgħażagħ tagħna li bħal-lum ikollna nmorru jew il-Kottonera jew il-pixxina, spejjeż akbar għall-Klabb għax irridu t-trasport, barra li t-tfal tagħna wara ġurnata skola jridu jmorru l-pixxina, siegħa training tiswihom sagħtejn għax bejn imorru u jerġgħu jiġu. Għalhekk naħseb li dan huwa pass importanti.”
Fis-snin riċenti l-gvern għadda wkoll art lil diversi assoċjazzjonijiet għal għan sportiv, u b’hekk dawn il-klabbs u oħrajn qed ikabbru l-operat tagħhom biex jinvestu u jilħqu aktar tfal u żgħażagħ.
Matthew Pisani, f’isem SportMalta, stqarr li l-entità dejjem se tkun ta’ spalla għal kull klabb u organizzazzjoni sportiva biex dan is-settur ikompli jikber.