Għall-ewwel darba mill-gwerra l-bierda, il-Gvern Ġermaniż qed jagħti pariri liċ-ċittadini biex jaħżnu l-ikel u l-ilma, sabiex jintużaw f’sitwazzjoni ta’ emerġenza nazzjonali.
Membri mill-Oppożizzjoni qed jinsistu li dan it-tip ta’ parir, li se jkun diskuss minn membri parlamentari għada, joħloq biża’ inutilment. Ċittadini huma mħeġġa jaħżnu biżżejjed ikel għal mill-inqas għaxart’ijiem, għax f’każ li jinqala diżastru fil-pajjiż, servizzi t’emerġenza jaf ma jkunux aċċessibbli.
Huwa ssuġġerit li f’kull dar ikun maħżun biżżejjed ilma għal ħamest’ijiem, u l-ammont suġġerit huwa żewġ litri għal kull persuna. Skont is-sit elettroniku Frankfurter Allgemeine, dan il-kunċett huwa spjegat f’dokument ta’ 69 paġna li jinsab għand il-Ministeru għall-Intern. L-istess dokument jgħid li attakk li jitlob difiża konvenzjonali fuq territorju Ġermaniż mhux probabbli, iżda mhix eskluża theddida lin-nazzjon li tkun tirrikjedi miżuri minn nies ċivili.