Il-Gvern huwa determinat li jieħu l-passi meħtieġa biex is-servizz tal-fast ferry, li beda ftit iktar minn sena ilu, jissokta u joffri l-aqwa servizz għall-ħtiġijiet tal-Għawdxin u tal-Maltin, kif ukoll l-ekonomija ta’ Għawdex.
Dan intqal fi stqarrija maħruġa mill-Ministeru għat-Trasport u mill-Ministeru għal Għawdex, fejn ġie nnutat kif dan is-servizz qed joffri alternattiva li ġġib bosta vantaġġi.
L-istqarrija żżid tgħid kif f’mument ta’ sfidi internazzjonali, l-awtoritajiet daħlu għal taħdidiet mal-operaturi tal-fast ferries, bil-għan li l-Gvern jappoġġja s-servizz f’dan il-mument biex mhux biss jitkompla, iżda jissaħħaħ u jingħata b’mod iktar frekwenti.
Għal dan il-għan, il-Gvern qed jiddiskuti mal-Kummissjoni Ewropea biex jgħin b’kuntratt ta’ servizz pubbliku għas-sentejn li ġejjin.
Il-kuntratt ta’ servizz pubbliku propost għandu valur ta’ tnax-il miljun ewro fuq sentejn.
Min-naħa tagħhom, l-operaturi qed jikkommettu ruħhom li jekk ikun approvat dan il-kuntratt, jipprovdu dan is-servizz meħtieġ skont il-bżonnijiet tal-poplu Malti u Għawdxi, u hemm qbil ukoll li f’dan il-każ tinbeda skeda ġdida bil-prezzijiet maqbula li l-operaturi ma jistgħux jiċċaqalqu minnha.
Bħala parti mill-ftehim se tiddaħħal miżura oħra tal-manifest elettorali li permezz tagħha dawk il-pazjenti li jkunu qed jirċievu trattament mediku fl-isptar Mater Dei, jew fl-isptar Ġenerali ta’ Għawdex jużaw is-servizz bla ħlas.