Franza qed tipproponi liġi biex minn nofs Jannar jidħol fis-seħħ l-użu taċ-ċertifikat tal-vaċċin biex persuni, li għandhom ’il fuq minn 12-il sena u jridu jidħlu f’postijiet pubbliċi, jridu jippreżentaw ċertifikat tal-vaċċin validu.
Il-liġi qed issib oppożizzjoni, li saħansitra s-sessjoni parlamentari tal-bieraħ baqgħet għaddejja sas-sigħat bikrin ta’ dalgħodu.
Fil-fatt, il-maġġoranza tad-deputati preżenti għaddew mozzjoni biex is-sessjoni tiġi sospiża qabel ma jittieħed il-vot.
Il-membri parlamentari favur il-Gvern, ma kinux preżenti dak il-ħin u għalhekk ma kienx hemm biżżejjed voti sabiex il-mozzjoni tiġi mblukkata.
S’issa fi Franza persuni jistgħu jidħlu f’postijiet pubbliċi kemm billi jippreżentaw ċertifikat tal-vaċċin jew inkella test negattiv tal-COVID-19 iżda, l-Gvern Franċiż irid jgħaddi din il-liġi biex jitnaqqas it-trasmissjoni tal-varjant Omicron, dan hekk kif fl-aħħar sebat ijiem, Franza rrapportat ’il fuq minn 200,000 każ ġdid kuljum.