Il-Gvern diġà ħabbar l-intenzjoni li jsaħħaħ id-dritt tal-vittmi f’inkjesti Maġisterjali. Dan il-Gvern qed juri bil-fatti li verament jemmen fit-twettiq ta’ ġustizzja effettiva bi proċeduri effiċjenti.
Iż-żieda ta’ aktar maġistrati, wassal biex għall-ewwel darba fl-istorja ta’ pajjiżna jkollna grupp ta’ maġistrati assenjati fuq l-inkjesti biss. Din l-ispeċjalizzazzjoni qed twassal għal inqas dewmien fl-inkjesti u dan ċertament qed isir fl-aqwa interess tal-vittmi, tal-qraba u anke tas-soċjetà. Il-Gvern se jkun qiegħed ikompli jimmassimizza fuq din ir-riforma, b’riformi leġiżlattivi, inkluż drittijiet ġodda lill-vittmi u l-qraba tagħhom.
Il-Gvern qed jaħdem fuq rifoma li se twassal biex safejn hu legalment possibbli u mingħajr ma jiġi preġudikat l-istħarriġ ġudizzjarju tal-inkjesta, il-qraba tal-vittma jkunu jistgħu jingħataw informazzjoni dwar il-proċess. Dan b’rispett sħiħ lejn il-kunfidenzjalità neċessarja biex titwettaq il-ġustizzja.
Isabelle Bonnici, omm Jean Paul Sofia, fi stqarrija qalet li għandha ssir riforma fejn jidħlu l-inkjesti maġisterjali u sejħet sabiex dawn l-inkjesti jkunu aċċessibbli għall-pubbliku.
Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard tenna diġà kellu l-opportunità jitkellem dwar dan mas-Sinjura Isabelle Bonnici u anke ma’ qraba ta’ vittmi oħrajn.