Issa huwa ż-żmien li b’viżjoni nippreparaw lis-settur tat-turiżmu għall-futur wara l-irkupru mill-pandemija. Hekk stqarr il-Ministru għat-Turiżmu, Clayton Bartolo waqt laqgħa li kellu mal-Assoċjazzjoni Maltija għas-sidien tar-ristoranti u l-lukandiera, l-MHRA.
Huwa spjega kif f’dan iż-żmien is-settur tat-turiżmu wera biċ-ċar li l-partijiet kollha involuti fis-settur kienu kapaċi jdawwru l-isfidi f’opportunitajiet. Huwa stqarr li issa huwa ż-żmien opportun li jitfassal pjan għas-settur b’viżjoni għall-għaxar snin li ġejjin.
Il-Ministru Bartolo stqarr: “L-għan tagħna huwa dik li nissaħħu lkoll kemm aħna, ikollna viżjoni ċara dwar kif ser nagħmlu s-settur turistiku verament sostenibbli għal pajjiżna bil-għan li jkollna anke prodott aħjar għal pajjiżna, u filwaqt li niġbdu n-numru ta’ turisti lejn pajjiżna, naraw kif il-pajjiż tagħna jkun destinazzjoni ta’ eċċellenza fil-qasam turistiku.”
Il-President tal-MHRA, Tony Zahra spjega kif f’dan iż-żmien diffiċli fis-settur l-għajnuna tal-Gvern kienet kruċjali hekk kif fi kliemu l-Gvern daħal forċina u refa’ parti mill-piż. Stqarr li b’hekk il-Gvern salva ħafna impjiegi fis-settur.
Huwa sostna: “Dalwaqt nibdew naraw ir-riżultat tal-vaċċin, naħsbu li sa April nibdew naraw in-nies ġejjin lura hawnhekk u allura issa huwa ż-żmien li nibdew nippreparaw għar-return ta’ dawn it-turisti.”
Stqarr li l-ewwel objettiv issa għandu jkun l-irkupru malajr tas-settur biex wara mbagħad jibda t-tħaddim ta’ pjan b’viżjoni fit-tul.