Il-Ġimgħa filgħodu ġew iffirmati żewġt ftehimiet bejn il-Gvern u l-Fondazzjoni Richmond li permezz tagħhom il-Gvern se jkun qed jagħti kważi miljun ewro għall-perjodu ta’ tliet snin.
Il-ftehim jinkludi skema ta’ appoġġ ta’ housing filwaqt li l-ftehim ieħor huwa għat-tmexxija ta’ Villa Chelsea, li huma lkoll mmexxija mill-Fondazzjoni Richmond.
Preżenti għall-ftehim kien hemm mart il-Prim Ministru Dr Lydia Abela, il-Ministru għas-Solidarjetà Soċjali Michael Falzon u rappreżentanti tal-Fondazzjoni Richmond fosthom il-Kap Eżekuttiv Stephania Dimech Sant.
Fil-preżent il-Fondazzjoni Richmond tamministra 31 appartament li fihom joqogħdu 67 persuna.
Għal dan il-proġett ta’ housing, il-Gvern se jkun qed jalloka s-somma ta’ €111,600.
Filwaqt li aktar minn €800,000 se jiġu allokati għal Villa Chelsea.
F’din ir-residenza jingħata appoġġ psikoloġiku 24 siegħa kuljum.
Fl-indirizz tagħha, Dr Abela tenniet is-sodisfazzjon tagħha bil-ħidma li ssir b’tant dedikazzjoni f’dan is-settur.
Hija nnotat ukoll ir-rieda qawwija biex tkompli ssir il-ħidma favur is-saħħa mentali.
Qalet, “Bis-saħħa ta’ dawn iż-żewġ ftehimiet, il-Gvern se jkun qed jagħti għajnuna finanzjarja biex il-Fondazzjoni Richmond tkompli tagħti s-servizz tagħha, servizz impekkabbli li rajna kemm huwa importanti s-servizz tagħha speċjalment fil-pandemija matul dawn l-aħħar sentejn.”
Il-Ministru Falzon tenna kif wara l-pandemija, f’pajjiżna wieħed minn kull tlieta għandu sfidi ta’ saħħa mentali.
F’messaġġ ta’ kuraġġ, huwa qal li dawk li jfittxu l-għajnuna mhuwiex sinjal ta’ dgħufija.
Fil-fatt il-Gvern alloka mal-għoxrin miljun ewro f’fondi għall-għaqdiet mhux governattivi li jaħdmu fis-soċjal.
Qal, “Irridu naċċettaw li s-saħħa mentali hija issue u l-problemi sselvihom mhux billi tgħid li ma jeżistux, issolvihom billi taffaċjahom u kommessi li nibqgħu ngħinu fejn jidħol l-asspett ta’ saħħa mentali f’pajjiżna.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni Richmond, Stephania Dimech Sant filwaqt li rringrazzjat lill-Gvern għall-ispalla li qed qed ikun għat-tmexxija tal-fondazzjoni, hija semmiet ukoll numru ta’ stejjer ta’ suċċess.
Fil-fatt qalet li bosta jirreferu għall-għajnuna tal-fondazzjoni u li għalhekk ma jkollhomx għalfejn jirrikorru għall-kura fl-isptar.
Qalet, “U dan aħna naħdmu biex ma jseħħx, biex kull persuna jkollha d-dinjità u l-abbiltà biex tgħix il-potenzjal massimu tagħha fil-komunità.”