Kważi 85% tal-edukaturi esperjenzaw xi forma ta’ aggressjoni mingħand l-istudenti jew il-ġenituri tagħhom fuq il-post tax-xogħol.
Dan joħroġ minn stħarrġ ippubblikat mill-Unjin tal-Għalliema, l-MUT, fi tnedija tal-kampanja Tolleranza żero lejn attitudni aggressiva fl-iskejjel. F’dan l-istudju ħadu sehem ftit aktar minn 180 edukatur. 24% tagħhom qalu li ta’ kuljum, jesperjenzaw xi forma ta’ aggressjoni fl-iskola, waqt li 44% qalu li jgħaddu minnha darba fil-ġimgħa.
Tlieta minn kull erba’ każijiet ta’ aggressjoni qalu li ġejja mill-istudenti u l-bqija mill-għalliema. L-aggressjoni li qed iġarrbu l-edukaturi hija kemm ta’ natura fiżika kif ukoll psikoloġika.
Waqt li nieda żewġ servizzi ġodda għall-għalliema, il-President tal-MUT, Marco Bonnici, qal li hemm diversi fatturi li qed iwasslu għal din l-attitudni. Il-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo saħaq li l-Gvern għandu tolleranza żero għall-abbuż fuq l-għalliem u fakkar kif il-Gvern ħarrax il-pieni fil-konfront ta’ dawk li jwettqu abbuż fuq l-għalliema.
Apparti mill-miżuri fejn wieħed jista’ jirrapporta direttament, il-Ministru semma kif permezz tal-baġit għal din is-sena, il-Gvern ser jadotta miżuri bil-għan li tissaħħaħ is-sigurtà kull fejn hemm bżonn.