Kmieni llum il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol għamel talba ta’ konċiljazzoni biex jerġgħu jiġu attivi n-negozjati mal-Malta Union of Teachers, favur kundizzjonijiet aħjar għall-gradi kollha tal-għalliema.
Is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol għarraf lill-MUT dwar it-talba biex issir konċiljazzjoni.
Hemm qbil kemm min-naħa tal-Gvern kif ukoll min-naħa tal-MUT li rridu nsaħħu l-professjoni tal-għalliema u nsostnu aktar lill-gradi kollha tal-għalliema fl-iskejjel tagħna b’pakkett finanzjarju b’saħħtu, b’iktar opportunitajiet u bi progressjoni aktar mgħaġġla fil-karriera tagħhom, kif ukoll b’kundizzjonijiet xierqa għall-għalliema u għall-edukaturi kollha.
Il-Gvern qed jipproponi tisħiħ fil-pakkett finanzjarju tal-edukaturi u huwa miftuħ għal iktar diskussjoni mal-Malta Union of Teachers wara talba ta’ konċiljazzjoni sottomessa dalgħodu. Il-proposta tal-Gvern hija iktar mill-5% li ġiet irrapurtata.
F’dawn il-proposti mhux finali tal-Gvern qed jiġi propost li l-progressjoni fl-iskali, biex għalliema jitilgħu minn skala għal ohra fi kważi nofs iż-żmien ta’ bħalissa. Qed jiġu proposti career paths iktar attraenti biex edukatur jista’ jibqa’ jtejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol tiegħu jew tagħha mingħajr il-bżonn li joħroġ mill-klassi filwaqt li dawk li jtejbu l-ħiliet edukattivi tagħhom b’iktar taħriġ personali jaraw li jingħataw dak li hu mistħoqq għalihom.
Il-Gvern qed jipproponi wkoll żieda sostanzjali fl-allowances tal-edukaturi, u jrid li l-allowance tagħhom tittripla. Dan isir b’inklużjoni ta’ riżorsi tax-xogħol.
L-aħħar proposta tal-Gvern kienet ibbażata fuq proposti ġejjin mill-union u oħrajn mill-Gvern stess. Dan il-Gvern huwa kommess biex jintlaħaq ftehim li juri rispett lejn il-professjoni tal-edukaturi. Dawn in-numri proposti u kundizzjonijiet ġodda jixhdu r-rieda tal-Gvern li ssir ġustizzja mal-għalliema, kif hemm ukoll imniżżel fil-programm elettorali ta’ dan il-Gvern.
Il-Gvern itenni r-rieda tiegħu biex id-diskussjonijiet isiru madwar il-mejda u biex dan il-ftehim jiġi finalizzat fl-iqsar żmien possibbli.