Transport Malta flimkien mal-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttra u Proġetti Kapitali se jkun qed jestendi l-iskema biex aktar persuni jixtru vetturi li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent b’€150,000 oħra.
L-iskema għandha l-għan li tnaqqas l-emmissjonijiet iġġenerati mit-traffiku u b’hekk ittejjeb il-livelli tal-kwalità tal-arja billi tnaqqas in-numru ta’ vetturi antiki mit-toroq Maltin. Dan billi tippromwovi aktar ix-xiri ta’ vetturi u quadricycles elettriċi li jaħdmu bil-batterija.
L-applikazzjonijiet sottomessi bejn Jannar u Lulju għal din l-iskema waslu biex 28 karozza elettrika li taħdem bil-batterija jiġu reġistrati fit-toroq Maltin.
Din l-iskema hija miftuħa għal sidien ta’ karozzi, NGOs reġistrati, għan-negozji kif ukoll għall-Kunsilli Lokali.
L-iskema, tingħata fuq numru ta’ kundizzjonijiet:
Għall-individwi privati, l-għotja se tammonta għal:
- € 5,000 meta tirreġistra vettura tal-Kategorija M1 jew N1 elettrika ġdida jew użata mingħajr ma titneħħa l-vettura antika mit-toroq;
- € 8,000 meta tirreġistra vettura elettrika tal-Kategorija M1 jew N1 ġdida u tirreġistra vettura oħra tal-Kategorija M1 jew N1 li għandha mill-inqas 10 snin mis-sena tal-manifattura;
- € 2,000 meta tirreġistra quadricycle elettriku ġdid jew użat.
Għal vettura użati, l-iskema tapplika biss għal vetturi elettriċi li jaħdmu bil-batterija li ilhom mhux aktar minn 24 xahar reġistrati għall-ewwel darba u li m’għamlux aktar minn 12,000 kilometru.
Il-formoli ta’ applikazzjoni għal dawn l-iskemi jistgħu jinġabru mis-sezzjoni tal-liċenzji għall-vetturi fi ħdan Transport Malta, A3 Towers, Raħal Ġdid jew minn fuq http://www.transport.gov.mt/land-transport.