Id-Dipartiment tas-Saħħa qed jagħmel sejħa ta’ kuntratt sabiex fi żmien tmien ġimgħat jinbena sptar ta’ 90 sodda oħra tal-kura intensiva ġdid fil-konfini tal-isptar Mater Dei.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi Carmen Ciantar spjegat li dan l-isptar hemm bżonnu bil-għan li tiżdied il-kapaċità tal-kura intensiva li għandu pajjiżna.
Hija spjegat: “Tajjeb nispeċifikaw li dan il-prefabricated hospital se jkun fil-maġġoranza assoluta tiegħu huma soddod tal-ITU li bħalissa għandna ġo Mater Dei imma rridu nkunu lesti li l-fattur limitanti ta’ bħalissa ma jkunux is-soddod tal-ITU.”
Spjegat ukoll li huwa importanti li dan l-isptar li se jkun magħmul minn materjal prefabrikat ikun mibni fil-konfini tal-Mater Dei.
Is-Sinjura Ciantar sostniet: “Dan l-isptar huwa importanti jkun qrib Mater Dei minħabba lil-professjonisti jridu jkunu qrib ta’ dan l-isptar ukoll u ma jkollhomx ħafna traġitti minn naħa għall-oħra biex imorru ħdejn il-pazjenti.”
Ciantar kompliet tispjega li dan l-isptar se jkun fih żewġ swali ta’ pazjenti ta’ dipendenza għolja, żewġ taqsimiet tal-ITU, emerġenza, kamra mortwarja kif ukoll faċilità li tipprovdi l-ikel għal madwar 120 ħaddiem.
Dawk li jirbħu dan il-kuntratt li se jagħlaq il-Ħamis f’nofsinhar se jkunu qed jorbtu lilhom infushom li jlestu dan il-proġett fi żmien tmien ġimgħat u se jkun hemm multa ta’ €50,000 għal kull jum li jdum ma jitlesta.
Ciantar kompliet tispjega li l-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi mexxiet proġetti bil-għan li jissaħħaħ ir-rispons tal-Gvern kontra l-Coronavirus. Apparti xogħol ta’ reklutaġġ ta’ professjonisti tas-saħħa, bħalissa din il-Fondazzjoni qed taħdem mingħajr waqfien biex tlesti żewġ ċentri fejn isiru t-testijiet għal dawk suspettati bil-virus; fil-Park and Ride ta’ Pembroke u fil-Heliport tax-Xewkija Għawdex.