Il-Gvern Brittaniku mistenni jżid it-taxxi b’£40 biljun. Dan tħabbar mill-Ministru għall-Finanzi Rachel Reeves, meta l-Erbgħa waranofsinhar ippreżentat l-baġit għas-sena d-dieħla.
Dan hu l-ewwel baġit ta’ Gvern Laburista Britanniku, li ġie elett f’Lulju li għadda u mill-ewwel jiem tiegħu indika li kien ġej baġit iebes ħafna.
Din il-miżura ta’ awsterità se tagħmel tajjeb għall-problemi fil-finanzi pubbliċi tal-pajjiż, f’dik deskritta bħala toqba nazzjonali li ħalla l-Gvern preċedenti Konservattiv ta’ Rishi Sunak.
Il-Ministru Reeves sostniet li l-gvern hu kostrett li jimponi dawn it-taxxi biex jagħmel tajjeb, fost l-oħrajn, għal żieda ta’ tnejn u għoxrin biljun lira sterlina għas-sistema nazzjonali tas-saħħa, l-NHS.
Reeves ħabbret ukoll żieda fil-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tal-bolol, li jħallsu l-impjegati, minn tnax fil-mija għal ħmistax fil-mija, minn April tas-sena d-dieħla. B’din il-miżura l-Gvern Brittaniku se jkun qed jiġbor ħamsa u għoxrin biljun lira sterlina żejda fis-sena.
Kif kien antiċipat ukoll, se tiġi introdotta t-taxxa tal-VAT fuq il-miżati tal-iskejjel privati mill-bidu tas-sena d-dieħla.
Min-naħa l-oħra, il-Gvern Britanniku ħabbar li se jinvesti ħames biljun lira sterlina fil-bini ta’ akkomodazzjonijiet soċjali kif imwiegħed fil-manifest elettorali tal-Partit Laburista.
Mas-seba’ biljuni se jiġu investiti fl-iskejjel, li wkoll tħallew fi stat diżastruż mill-amministrazzjoni preċedenti.