Il-Gvern wieġeb għal stqarrija tal-organizzazjoni “Reporters Without Frontiers” wara li talbu għal investigazzjoni indipendenti fil-każ ta’ Daphne Caruana Galizia.
Fi stqarrija, l-Gvern qal li ma hemmx bażi għal implikazzjonijiet tal-RSF wara li allegaw li l-indaġni ma saritx b’mod indipendenti u li l-Gvern qed jagħti kenn politiku lill-persuni responsabbli għal qtil makabru tal-ġurnalista Maltija.
Il-Gvern tenna li l-forzi tal-ordni Maltin u anke dawk internazzjonali bħall-FBI u Europol għenu kollha sabiex jitressqu tliet suspettati quddiem il-qorti fil-5 ta’ Diċembru li għadda.
Qal li l-konferenza stampa urġenti li sejjaħ il-Prim Ministru turi bis-sħiħ l-importanza li l-gvern Malti qed jagħti lil din l-investigazzjoni għall-kuntrarju ta’ dak li qed tgħid din l-organiżżazzjoni. Il-Gvern ukoll żamm il-kunfidenzjalità hekk kif ma ħarġux l-ismijiet tas-suspettati sabiex jirrispetta l-preżunzjoni ta’ innoċenza.
Bil-kontra wkoll ta’ dak li tgħid l-istqarrija mill-RSF, il-Pulizija Maltija qalet li l-mandat ta’ arrest intwera lis-suspettati mill-Maġistrat Anthony Vella. L-istess Maġistrat li jgawdi l-fiduċja tal-familja Caruana Galizia.
Il-Gvern appella lill-RSF għal iktar stqarrijiet bilanċjati u ġusti speċjalment għal appelli fuq dan il-każ.