Il-Gvern ressaq rikors quddiem il-Qorti biex l-appell li għamlet Steward Malta fil-kawża b’rabta mal-konċessjoni tal-isptarijiet jinstema’ b’urġenza.
Fi stqarrija l-Gvern qal li qed jagħmel dan fl-interess pubbliku u dak nazzjonali.
Il-Gvern fakkar li filwaqt li huwa m’appellax mis-sentenza li ngħatat mill-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili, huwa wieġeb għar-rikorsi ta’ Steward, fejn b’kollox tressqu għaxar atti ġudizzjarji.
Fir-risposti li ta, il-Gvern oppona għat-talba ta’ Steward li jitressqu provi u dokumenti ġodda, u f’każ li l-Qorti tilqa’ din it-talba, jiġifieri li jitressqu dokumenti ġodda, il-Gvern qed iżomm id-dritt li ikun f’pożizzjoni li jwieġeb għalihom, anke billi jressaq talba biex jippreżenta dokumenti li ma kinux disponibbli (lanqas kienu jeżistu) qabel l-għoti tas-sentenza.
Dan fid-dawl li kien hemm żviluppi wara l-għoti tas-sentenza.
Il-Gvern oppona wkoll it-talba ta’ Steward, li qiegħda titlob li l-Qorti tal-Appell Superjuri Sede Ċivili tirreferi l-każ quddiem il-Qrati Ewropej.