Il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva, Jo Etienne Abela, wera biċ-ċar il-ħidma li qed issir bħala parti mir-riforma fis-saħħa mentali. Sostna kif il-Gvern hu konxju li, għalkemm jibqa’ dejjem suġġett kumpless, il-lat uman, soċjali, ta’ vulnerabilità, forensiku u abbuż minn sustanzi lkoll joħolqu sfidi varji.
Is-sisien għar-riforma fis-saħħa mentali ilhom li bdew is-snin u s-servizzi fil-komunità bdew jissaħħu. Għalhekk il-Ministru qal li, hekk kif għaddiet il-ġimgħa ddedikata għas-saħħa mentali, il-Gvern jixtieq jieħu pożizzjoni biex l-istakeholders kollha jkunu informati bid-direzzjoni tiegħu f’dan ir-rigward.
Sqarr li r-riżultati jitkellmu waħedhom fejn, fost l-oħrajn, il-pazjenti li kienu jieħdu l-kura fl-Isptar Monte Karmeli llum naqsu għal taħt it-tliet mija minn iżjed minn seba’ mija sa ftit ilu.
Tenna li l-Gvern ilu s-snin jaħdem fuq din il-viżjoni biex il-kura tas-saħħa mentali toħroġ iżjed fil-komunità.
F’kummenti li tat il-Kap Eżekuttiv tal-Isptar Monte Karmeli, Dr Stephanie Xuereb, spjegat li dan it-tibdil hu parti minn proċess usa’ fejn se tkompli tiżdied il-katina ta’ servizzi fil-komunità. Għaldaqstant tenniet li hu importanti li ħadd ma jiddejjaq jieħu dan is-servizz offrut.
“Aħna dejjem nibqgħu bil-premessa li nkomplu nsaħħu s-servizzi tagħna fil-komunità biex anke kemm jista’ jkun persuna tirċievi s-servizzi fid-dar, imma fejn mhux possibbli wara l-kura akuta, tkun tista’ tagħddi għar-residenzi jew servizzi oħrajn fil-komunità biex b’hekk aktar inkomplu naħdmu flimkien biex inkissru l-istigma meta tiġi għas-saħħa mentali.”
Fid-dawl ta’ dan, il-Ministru sostna li, wara dan kollu, issa jmiss pass ieħor ’il quddiem.
“Ma jistax ikollna qabża fil-kwalità jekk ma nagħmlux phasing out tal-Isptar Monte Karmeli. Aħna rridu li l-pazjenti b’mard mentali nqisuhom bħala pazjenti oħrajn li għandhom mard fiżiku. Mhemmx differenza bejn is-saħħa mentali u s-saħħa fiżika.”
Hekk kif dan il-pjan hu parti minn fażijiet fit-tul, kif ukoll jinbena unit għall-psikjatrija, il-pjani jinsabu fi stadju avvanzat u se jiġu ppreżentati lill-awtoritajiet tal-ippjanar fil-futur qrib. Semma wkoll kif l-istrutturi se jibqgħu jiffunzjonaw u ħadd mhu se jitlef il-pożizzjoni jew il-kundizzjoni tiegħu.
“Biex aħna noffru dak it-tip ta’ servizz, irridu nkomplu nagħfsu aktar fuq il-komunità, imma min għandu bżonn, dawk il-pazjenti li għandhom bżonn jidħlu fis-setting ta’ sptar, aħna qed ngħidu għandna l-Isptar Mater Dei, irid ikollna unit ġdid għas-saħħa mentali u hekk kissirna l-istigma u għandna sptar wieħed ħolistiku li joffri servizzi t’eċċellenza.”