Quddiem ċertifikat ieħor pożittiv għal pajjiżna, il-Gvern tenna r-rieda tiegħu li jżid il-pass ta’ riformi u bidliet ħalli l-qagħda ekonomika u soċjali ta’ pajjiżna tkompli tissaħħaħ għall-ġid tal-familji Maltin. Il-Gvern iqis it-titjib fil-finanzi pubbliċi, fil-qagħda ekonomika u fil-governanza li nnuttat id-DBRS bħala bażi soda għal aktar suċċess fiż-żmien li ġej.
Il-Gvern stqarr dan wara li l-aġenzija internazzjonali tal-kreditu DBRS ikkonfermat ir-rating għoli ta’ ‘A’ għal pajjizna. Skont l-esperti tad-DBRS, dan ir-riżultat jirrifletti s-sitwazzjoni finanzjarja tajba tal-familji Maltin u l-bilanċ pożittiv fil-pagamenti internazzjoni ta’ pajjiżna.
Minbarra analiżi pożittiva fuq l-ekonomija tagħna, l-esperti internazzjonali sostnew li pajjiżna jgawdi minn istituzzjonijiet pubbliċi tajba.
Bil-kontra tal-messaġġ negattiv li qed tipprova tmexxi l-Oppożizzjoni, DBRS tgħid li l-Gvern qed jagħmel sforz addizzjonali biex itejjeb il-gvernanza u jnaqqas il-korruzjoni. Dan permezz tal-Whistleblower’s Act u t-tneħħija ta’ preskrizzjoni lil membri parlamentari. Id-DBRS tgħid ukoll li dan il-Gvern qed juri impenn biex jirranġa nuqqasijiet li ddominaw fil-passat b’rabta mal-governanza u li din il-politika tagħti ferm aktar stabbilita lir-rating ta’ pajjiżna.
L-istess messaġġ pożittiv dwar il-finanzi pubbliċi. Filwaqt li l-Oppożizzjoni tgħid li l-qagħda ta’ pajjiżna hija mwiegħra, l-esperti tad-DBRS jgħidu: the reduction of the fiscal deficit is also progressing. The deficit fell to 1.5% of GDP in 2015 from 4.2% in 2008, largely supported by higher tax revenues, which have benefitted from rising wages, strong corporate profits and increased investment into Malta.
Ir-rapport tad-DBRS jinnota kif, wara li kien laħaq 70% tal-ġid nazzjonali, l-piż tad-dejn pubbliku issa naqas taħt l-64% u sa tmiem din il-legislatura ser jonqos taħt is-60%. L-aħħar darba li Malta kellha rata ta’ dejn nazzjonali daqshekk baxx kien fl-1998. DBRS tinnota li dan it-tnaqqis huwa frott miżuri li ttieħdu biex titjieb l-qagħda finanzjarja tal-Gvern.
Fi kliem analisti ta’ DBRS: important improvements in fiscal management have been undertaken, after weak fiscal performances in the past. B’hekk fakkru kif fis-snin preċedenti, Malta kienet iddaħħlet fil-proċedura tad-defiċit eċċessiv tliet darbiet mill-Kummissjoni Ewropea.
L-esperti barranin ifaħħru liġijiet ġodda li wettqet l-amministrazzjoni preżenti u li se jpoġġu l-finanzi ta’ pajjiżna fuq sisien sodi, fosthom it-twaqqif tal-Kunsill Fiskali. Id-DBRS issemmi wkoll b’mod pożittiv ir-ristrutturar tal-kumpaniji pubbliċi, l-aktar fl-Enemalta u l-Air Malta, u ssostni li dan naqqas ir-riskji finanzjarji għal pajjiżna. Barra minn hekk, l-esperti tad-DBRS isostnu li r-riformi fil-pensjonijiet qed ikunu implimentati u se jtejbu s-sostenibilità tas-sistema fit-tul.