L-imxija tal-Coronavirus madwar id-dinja mhux biss qed tolqot fil-laħam il-ħaj eluf ta’ pazjenti madwar id-dinja, iżda wkoll bosta ekonomiji miftuħin bħal dik ta’ pajjiżna.
Mistoqsi minn one news x’miżuri se jieħu l-Gvern biex jilqa’ għall-impatt ekonomiku li ġabet magħha din l-influwenza, il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri qal li l-Gvern se jimplimenta bosta miżuri sabiex jgħin u jagħti kuraġġ lin-negozji Maltin.
Qal li bis-saħħa ta’ diskussjonijiet li saru fl-aħħar jiem, il-banek niedew skemi biex jgħinu b’mod immedjat lin-negozji f’pajjiżna biex jibqgħu għaddejjin.
“Mal-banek ġa tkellimt magħhom. B’mod personali dawk li jirrappreżentaw filfatt diġa ħarġu l-ewwel skemi fosthom funds fosthom ukoll li jkun hemm moratorju fuq certu payments, certu loans li ghandhom, dawk huma miżuri li anke bħala gvern ser inħabbru minn naha taghna li ghandhom x’jaqsmu direttament mal-likwidità.”
Il-Ministru Schembri żied jgħid li l-Gvern se jindirizaw wkoll problemi relatati ma’ nuqqas fid-domanda għax-xogħol anke permezz tal-Malta Enterprise.
“Miżuri ta’ medium term jigifiri skemi li se nkunu qed nħabbru anke mal-Malta Enterprise fejn fost oħrajn nindirizzaw issues relatati ma ħaddiema, issues relatati ma’ nuqqas tad-domanda anki minħabba is-supplychain minn barra.”
Il-Ministru għall-Ekonomija qal li għandna nieħdu din l-okkażjoni u ndawruha f’opportunità.
“Fejn qabel kelna pressure kbira ta’ xogħol ta’ domanda kbira, forsi certu tahrig ma kienx seta jsir sabiex minħabba nuqqas ta’ domanda ħabba problema internazzjonali bħal ma nafu isir, noħorġu minn din b’ħaddiema li huma iktar mħarġa u iktar kompetitivi.”
Mistqosi dwar l-impatt li din l-influwenza ħalliet ukoll fuq il-linja nazzjonali tal-ajru l-Air Malta, il-Ministru Schembri qal li fl-aħħar laqgħa tal-kunsill tal-ministri appella lill-Unjoni Ewropea biex tniedi pakkett finanzjarju b’saħħtu biex tgħin l-industrija tal-avjazzjoni u fl-istess waqt tippermetti għajnuna mill-istat lil kumpaniji bħalma hi l-Air Malta f’dawn iċ-ċirkostanzi diffiċli.