Il-Partit Laburista jawgura lil Helena Dalli għan-nomina tagħha bħala Kummissarju Ewropew.
M’hemmx dubju li Helena Dalli ntgħażlet għal dan l-irwol riżultat tal-esperjenza li għandha fil-ħajja pubblika. F’kull kariga li serviet tul is-snin għamlet dan b’eċċellenza tant li mexxiet ‘il quddiem fost l-ikbar riformi ta’ dan il-moviment b’mod partikolari dawk marbuta mal-ugwaljanza.
Irid ikun innotat ukoll kif għal darb oħra l-Partit Laburista mill-gvern qed ikun protagonist f’dik li hi fiduċja fis-sehem tal-mara. Wara li ħatar iż-żewġ Presidenti tar-Repubblika nisa li kellu pajjiżna u l-uniku speaker mara, issa Prim Ministru Laburista qed jinnomina l-ewwel Kummissarju mara. Din hi nomina f’waqtha meta l-pajjiż qed jiddiskuti riforma biex iktar nisa jagħtu s-sehem tagħhom fil-politika.
Il-Partit Laburista jawgura wkoll lil Edward Zammit Lewis li se jkun qed jinħatar Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza, filwaqt li jrodd ħajr lill-Kummissarju Karmenu Vella għall-ħidma tiegħu fl-aħħar ħames snin u l-isem tajjeb li għamel għal pajjiżna.