Il-Ministeru għat-Trasport u l-Ministeru għal Għawdex kellhom laqgħat ma’ entitajiet Għawdxin dwar konnettività aħjar bejn iż-żewġ gżejjer. Kien hemm preżenti rappreżentanti tal-komunità tan-negozji f’Għawdex, u l-għaqda tal-istudenti Għawdxin.
Hawnhekk il-Ministru Ian Borg tenna li dan kollu qed isir hekk kif il-Gvern żamm mal-wegħda li joffri lill-privat iċ-ċans ta’ skeda ta’ vjaġġi qosra bejn Malta u Għawdex b’bastimenti li jniġġsu anqas u jivvjaġġaw aktar malajr. Fakkar kif f’Lulju li għadda l-Gvern ħareġ sejħa għall-offerti għall-operat esklussiv ta’ dan is-servizz, u se jaħseb ukoll għal konnettività aħjar fuq l-art grazzi għall-kunċett tal-last mile.
“Spjegajna wkoll li Transport Malta ħarġet sejħa għall-offerti biex il-Gvern iżomm mal-wegħda li jkun hemm konnettività oħra apparti dik konvenzjonali. Issa nħarsu ‘l quddiem għal meta jkollna l-offerti fil-ġimgħat li ġejjin u l-Gvern jieħu d-deċiżjonijiet li għandu jieħu,” kompla jispjega l-Ministru Borg.
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li d-diskussjonijiet qed iduru mar-rieda li l-Gvern jiffaċilita ħajjet l-istudent u l-ħaddiem Għawdxi li jrid jaqsam lejn Malta ta’ kuljum. Spjega kif tul il-laqgħa “ressaqna numru ta’ proporsti anke fuq suġġeriment tal-GUG biex niffaċilitaw il-ħajja tal-istudent biex jasal aktar malajr lejn l-Università u anke postijiet oħrajn madwar Malta.”
Is-sejħa għall-offerti għal dan is-servizz se tagħalq fit-7 ta’ Settembru li ġej, u l-konċessjoni se tkun offruta għal 15-il sena.