F’laqgħa mal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, l-MCESD, il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni, u s-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul, taw ħarsa lejn ir-riforma fl-inkjesti maġisterjali – li qed iressaq ‘il quddiem il-Gvern u li se tkun tibda d-diskussjoni parlamentari dwarha nhar it-Tlieta.
Il-Ministru Jonathan Attard ta preżentazzjoni dettaljata tar-riforma tal-inkjesti maġisterjali – riforma li mhu se ċċaħħad l-ebda aċċess għall-ġustizzja hekk kif mhu se jiġi mittiefes ebda dritt.
Fil-fatt, il-bidla se tkun qed tħares lejn diversi aspetti fil-proċess billi jiġu introdotti salvagwardji, tiżdied il-kontabbiltà u jingħataw drittijiet statutorji ġodda lill-vittmi u qrabathom, u saħansitra televa l-proċess għal Imħallef li jippresjedi Qorti Kriminali fir-rigward ta’ talbiet għall-inkjesti miċ-ċittadin privat.
Huwa spjega kif, fost l-oħrajn, din ir-riforma se tikkristalizza l-irwol tal-maġistrat u l-esperti fil-proċess tal-inkjesti – biex ikun assigurat li l-proċess ma jkunx imtappan minn dubji.
Il-ministru saħaq ukoll li ser jiġu introdotti drittijiet ġodda għall-vittmi jew il-qraba, primarjament billi jkollhom dritt ikunu infurmati b’ċerta informazzjoni safejn hu legalment sostenibbli dwar l-andament tal-inkjesta, kif ukoll jingħataw kopji b’xejn tal-proċess verbal.
Il-Ministru Jonathan Attard saħaq li permezz ta’ dawn l-emendi se jkun assigurat li jissaħħu d-drittijiet ta’ kull persuna li tista’ tkun involuta fil-proċess legali relatat mal-inkjesti maġisterjali.
Qal, “F’pajjiż fejn tirrenja s-saltna tad-dritt għandna naċċertaw ruħna li kulħadd ikun kontabbli ta’ għemilu quddiem il-ġustizzja, imma fl-istess waqt irid ikun hemm is-salvagwardji neċessarji biex nevitaw li jkun hemm persuni jew kumpaniji li jispiċċaw vittma ta’ min jabbuża mis-sistema legali għal skopijiet li jmorru lil hinn mill-ġustizzja.” Il-ministru kompla jgħid li talba għall-inkjesta maġisterjali fuq inizjattiva taċ-ċittadin privat m’għandhiex tintuża bħala għodda ta’ persekuzzjoni fuq ħadd, inkluż entitajiet kummerċjali hekk kif din tista’ twassal għal riperkussjonijiet ekonomiċi.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul saħaq li din ir-riforma se tkun qed tassigura ġustizzja xierqa filwaqt li tnaqqas l-abbuż. Qal li l-ġustizzja għandha dejjem titwettaq f’parametri ta’ ċertezza legali biex jiġi assigurat li ma tinħoloqx tbatija inġusta fuq kwalunkwe ċittadin.
Dwar il-bidliet proposti, fosthom l-introduzzjoni ta’ obbligu ġdid għall-esperti u drittijiet ġodda għall-vittmi jew il-qraba, is-segretarju parlamentari sostna li dawn se jkunu qed jaraw li l-inkjesti jsiru b’mod rett u b’kontabbiltà sħiħa.
Qal, “B’din ir-riforma qed naraw li mhux biss issir il-ġustizzja, iżda li din ssir bl-aktar mod ġust u serju. Hekk titlob ir-retta amministrazzjoni tal-ġustizzja u hekk titlob governanza tajba,” sostna s-segretarju parlamentari. Huwa temm jgħid li dan id-djalogu mal-imsieħba soċjali żgur se jkun qed iħalli l-frott u jwassal għal riforma li verament tkun waħda li tħares id-drittijiet ta’ kull ċittadin.
Għal din il-laqgħa kien hemm preżenti wkoll il-Kummissarju tal-Liġijiet l-Imħallef Emeritus Antonio Mizzi, li min-naħa tiegħu saħaq kif il-ħtieġa għal din ir-riforma ilha tiġi senjalata mill-qrati tagħna, kif ukoll minn diversi rapporti inkluż mill-istess Kummissjoni tal-Liġijiet.