Fi stqarrija, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej ikkundanna immedjatament l-att ta’ terroriżmu mwettaq kontra l-Iżrael mill-Hamas iżda tenna l-importanza li dejjem issir distinzjoni bejn il-Hamas u ċ-ċivili Palestinjani.
B’hekk, qed isegwi l-iżviluppi umanitarji ta’ kuljum li joħorġu minn Gaza, li fi kliem is-Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Magħquda, Antonio Guterres, jistgħu dalwaqt ikunu qed jaffaċċjaw katastrofi umanitarja.
B’rispons għal dawn l-iżviluppi, il-Ministeru reċentement irdoppja l-kontribuzzjoni annwali tiegħu lill-Aġenzija tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Għajnuna u x-Xogħlijiet għar-Refuġjati tal-Palestina, l-UNRWA, li taħdem biex tassisti Palestinjani vulnerabbli f’Gaza u bnadi oħra.
Barra minn hekk, il-Ministeru ħa l-inizjattiva biex jassisti lill-membri tal-pubbliku li jixtiequ jagħtu donazzjoni ta’ fondi għal Gaza, billi jiffaċilita ġbir ta’ fondi li jinqasmu b’mod ugwali bejn l-UNRWA, kif ukoll il-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar, li qed jaħdem ukoll biex jindirizza s-sitwazzjoni umanitarja urġenti f’Gaza.
Membri tal-pubbliku li jixtiequ jagħtu donazzjoni ta’ fondi li mbagħad jinġabru u jingħataw lill-organizzazzjonijiet imsemmija hawn fuq jistgħu jagħtu fondi permezz tal-kont li ġej fil-Bank Ċentrali ta’ Malta:
ISEM: Humanitarian Fund
NUMRU TAL-KONT BANKARJU: MT63MALT011000041005EURCMG50000
INDIRIZZ: 331, ALLIED HOUSE, DCS -3RD FLOOR S VLT1060, VALLETTA
L-istqarrija temmet tgħid li l-Ministeru jimpenja ruħu li jiżgura li l-fondi mogħtija lil dan il-kont se jintużaw biss biex jassistu nies vulnerabbli f’Gaza. Id-deċiżjoni li jinġabru fondi aktar milli oġġetti ttieħdet wara d-diffikultajiet riċenti biex l-għajnuna umanitarja tgħaddi mill-qsim ta’ Rafah mill-Eġittu għal Gaza.