Ġie ffirmat ftehim bejn il-Gvern u l-Ispecial Olympics Malta biex il-Gvern juri l-impenn tiegħu għal-logħob tal-Ispecial Olympics li se tilqa’ Malta għall-ewwel darba f’Mejju tas-sena d-dieħla.
Il-ftehim sar waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata minn mart il-Prim Ministru u l-President tal-Ispecial Olympics Dr Lydia Abela, saħqet dwar kif dawn il-logħob se jkunu opportunità biex pajjiżna jkun eżempju u mudell għall-inklussività.
Qalet, “Se nkunu qed nassiguraw li nnislu kunfindenza fl-atleti tagħna u se nkunu qegħdin nigarantixxu wkoll illi Malta tkun eżempju, tkun mudell ta’ ugwaljanza u inklussività. Se nkunu qegħdin naraw illi iva l-isport huwa fattur illi jgħaqqad il-pajjiżi, illi jgħaqqad lill-atleti u li jgħaqqad abiltajiet differenti.”
Fl-istess konferneza għaddiet il-messaġġ tagħha Maria James, atleta tal-Ispecial Olympics li titħarreġ fid-dixxiplina tal-għawm.
Hija tenniet kif is-sehem tagħha fl-isport bidlilha ħajjitha u taha aktar kuraġġ u dinjità umana.
L-atleta rrakontat kif fil-logħob tal-2019 li saru f’Abu Dhabi hija rebħet żewġ medalji tal-fidda u issa f’pajjiżha qed taspira għad-deheb.
Spjegat, “Naspira li mmur għad-deheb għax jien persuna fighter ħafna, nemmen fija nnifsi, determinazzjoni dejjem hemm tkun, imma l-importanti li tkun soda u tgħid li inti trid tirbaħ, inti kapaċi li terbaħ.”
Intant, is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima tenna l-impenn tal-Gvern fl-isport filwaqt li ċ-Chairman tat-task force dwar il-logħob tal-Ispecial Olympics Oliver Scicluna kif ukoll Il-President Reġjonali tal-Ispecial Olympics David Evangelista semmew l-importanza ta’ dan l-avveniment.