Bil-għan li jittejjeb il-kordinament fejn jidħol l-immaniġġjar tal-iskart f’pajjiżna, daħlu fis-seħħ regolamenti ġodda, li se jagħtu lok għal aktar ħidma bejn il-kunsilli lokali, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u s-sidien tal-postijiet għall-btala.
B’effett immedjat, il-kunsilli se jkollhom is-setgħa jitolbu mingħand l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, dettalji u informazzjoni rigward sidien li huma responsabbli minn postijiet għall-btala.
Dan bil-għan li jkunu jistgħu jieħdu miżuri biex jindirizzaw aħjar is-sitwazzjoni tal-immaniġġjar tal-iskart f’lokalitajiet fejn postijiet għall-btala huma preżenti.
Il-kunsilli se jkunu jistgħu jieħdu miżuri f’diversi forom, inkluż dawk edukattivi biex iqajmu għarfien dwar l-iskeda nazzjonali tal-ġbir tal-iskart fil-ġranet speċifiċi u liema tip ta’ borża trid tinħareġ fihom.
Minbarra hekk, se jkunu jistgħu jieħdu miżuri ta’ inforzar, id f’id mal-awtoritajiet kompetenti, fejn jirriżulta nuqqas ta’ osservanza mar-regoli u l-iskeda nazzjonali tal-iskart.
Dan hu pass eqreb lejn kundizzjonijiet ta’ iżjed indafa tal-lokalitajiet rispettivi u anke biex ikun rispettat l-ambjent li ngħixu fih.
Stqarrija konġunta mill-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali u l-Ministeru għat-Turiżmu, ingħad li dawn l-emendi huma turija ċara li l-Gvern hu impenjat u kommess li jisħaq fuq il-bżonn tas-separazzjoni tal-iskart u li jassigura li jitħarsu l-liġijiet fejn tidħol indafa pubblika.