Il-Gvern ivvota kontra mozzjoni tal-Partit Nazzjonalista li tikkonċerna t-tneħħija ta’ avviż legali ntrodott minn Gvern Laburista li jindirizza r-Regolamenti tal-2021 dwar il-Pubblikazzjoni Online ta’ Sentenza tal-Qorti.
Dan waqt vot Parlamentari fejn ġiet sostnuta l-importanza ta’ dan l-avviż legali li l-għan aħħari tiegħu huwa li jerġa’ jagħti ċans ieħor fil-ħajja lil min ikun xellef difrejh mal-ġustizzja u jkollu sentenza tal-Qorti b’ismu u d-dettalji kollha online fuq is-sit tal-Qorti.
Dwar dan l-avviż legali tkellimna ma’ Dr. Vanessa Grech li hija d-Deputat Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qorti.
Qalet, “L-iskop dak kien li jekk persuna forsi għamlet reat 20 sena ilu għandha tingħata ċans li jekk forsi rrijabilitat ruħha is-sentenza ma tibqax tidher fuq is-sit online.”
Dr Grech spjegat ukoll ir-rekwiżiti li jridu jiġu sodisfatti biex sentenza tkun tista’ titneħħa mill-pjattaforma online tal-Qorti wara talba li ssir lill-Kap Eżekuttiv tal-Qorti.
Spjegat, “Il-Kap Eżekuttiv jara li għaddew 3 snin mill-inqas mill-perjodu li ngħatat is-sentenza, jiġi ċċekjat ukoll jekk il-persuna ġietx ikkundannata għal xi multa li f’dak il-każ il-multa trid tkun imħallsa, f’każ ta’ sentenzi sospiżi l-istess jrid ikun għadda l-perjodu operattiv biex is-sentenza tiġi kkunsidrata li titneħħa kif ukoll jekk ikun hemm appell irid jiġi deċiż l-appell l-ewwel u jgħaddu 3 snin minn fuq id-data tal-appell.”
Minn naħa tiegħu l-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis indirizza l-kritika ewlenija tad-Deputati tal-Oppożizzjoni li ressqu din il-mozzjoni kontra dan l-avviż legali.
Qal, “L-istess ġurnalista jista’ jmur fir-reġistru u dik is-sentenza jordnaha u meta jordnaha, ma jistax jgħidlu “isma għaliex is-CEO ħassritha minn fuq l-Ecourts. Dik tibqa’ aċċessibbli għal dak il-ġurnalist anke wara li titħassar jiġifieri l-pubbliċità u l-aċċessibiltà fejn tidħol il-ġudikatura u l-imparzjalità tagħha baqgħu mhux mittiefsa.”