Fi stqarrija l-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol innota li għal darb’oħra l-Unjin tal-Għalliema, l-MUT qiegħda toħroġ direttiva u azzjonijiet ġodda li bihom ser jerġgħu jweġġgħu lill-istudenti.
Wara direttivi li bihom riedu jwaqqfu t-taħriġ lill-għalliema biex l-istudenti jitgħallmu suġġetti bażiċi applikati, u jħassru l-eżamijiet tal-Malti u tal-Matematika għall-istudenti, din id-darba l-MUT qed tagħti direttiva u azzjonijiet ġodda li bihom ser ikunu milquta tfal u studenti li qed jingħataw servizzi mingħand il-counsellors, career advisors, youth workers u resource workers fost l-oħrajn.
Dan wara li l-MUT ordnat direttivi hekk kif baqgħet m’aċċettatx il-proposti li l-professjonisti msemmija jibqgħu javvanzaw fil-karriera tagħhom u jistgħu jgawdu minn allowance ġdida tal-klassi ta’ massimu ta’ elf u ħames mitt ewro u allowance oħra ta’ żvilupp ta’ massimu ta’ seba’ mija u ħamsa u għoxrin ewro fis-sena.