Fi stqarrija l-Gvern Malti wieġeb għal rimarki li saru dwar il-persuni li qed jiffurmaw l-inkjesta pubblika indipendenti dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Il-Gvern innota li ma saret l-ebda kritika lejn it-termini ta’ referenza tal-inkjesta.
Dwar l-Imħallef Emeritu Michael Mallia, magħruf għall-integrità tiegħu saru rimarki għaliex huwa tqabbad mill-Qorti biex ikun espert fil-kumpilazzjoni tal-evidenza tal-qtil ta’ Caruana Galizia.
Hawnhekk il-Gvern fakkar li l-Imħallef Emeritu li se jippresiedi l-inkjesta kien tqabbad bħala espert tal-Qorti bi qbil mill-partijiet kollha.
Dwar il-Professur Ian Refalo, il-Gvern wieġeb ukoll għal rimarki li saru għaliex huwa avukat.
“Id-dritt t’aċċess għall-avukat u d-dritt li avukat jipprattika l-professjoni tiegħu huma parti mis-sisien tas-saltna tad-dritt”, saħaq il-Gvern fi stqarrija.
Żied jgħid li dan ma jwaqqaf avukat milli jieħu deċiżjoni anki għax l-istess avukati huma mmexxija minn kodiċi t’etika.
Dwar Dr. Anthony Abela Medici li huwa l-Kummissarju għall-Għaqdiet Mhux Governattivi qal li huwa żbaljat li xi ħadd jgħid li dan huwa dipendenti fuq il-Gvern.
“Il-liġi dwar l-għaqdiet volontarji jissalvagwadja l-kariga tal-istess Kummissarju”, irrimarka l-Gvern.
Intant il-Gvern qal li għaddejjin kuntatti biex il-familja Caruana Galizia tiltaqa’ mal-Prim Ministru.
L-inkjesta se titlob lill-Kummissjoni magħmula minn dawn it-tliet persuni biex tiddetermina fost oħrajn jekk xi entità tal-istat kinitx taf jew kellhiex tkun taf b’riskju reali u immedjat mill-għemil kriminali ta’ xi terza persuna fil-ħajja ta’ Caruana Galizia fiż-żmien inkwistjoni u jekk naqsitx milli tieħu miżuri fi ħdan il-firxa tas-setgħat tagħha li b’ġudizzju raġjonevoli kien mistenni minnha li tieħu biex tevita dak ir-riskju.
L-inkjesta pubblika tiġi konkluża fi żmien disa’ xhur u tiġi ppubblikata fuq gwida tal-istess Kummissjoni.