F’konferenza dwar is-servizzi diġitali governattivi, is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar qal li s-servizz pubbliku qed jiżen l-użu tal-Intelliġenza Artificjali.
“Se nkunu qed nippreparaw għall-AI, għal famuża artificial intelligence biex dak li llum il-bniedem jagħmel aħjar, naslu f’punt fejn anke l-magni jibdew jagħmlu ċerti affarijiet li huma aħjar”
Il-potenzjal tal-intelliġenza artifiċjali huwa kbir, anke f’pajjiż bħall Malta fejn tiddependi fuq ir-riżors uman. Qal li is-Servizz Pubbliku jrid jibda jobsor l-effetti tal-Intelliġenza Artifiċjali u kif se japplika dawn l-avvanzi.
Matul il-konferenza huwa tkellem ukoll dwar il-proġett converge li huwa l-ikbar investiment fit-teknoloġija li qatt sar fis-Servizz Pubbliku b’investiment ta’ 40 miljun ewro li jmiss għaxar ministeri u tletin proġett li jvarjaw minn eservice applications sa oħrajn indirizzati mill-gvern lejn il-gvern; lejn in-negozju u lejn iċ-ċittadin.
Huwa ħabbar ukoll li f’nofs is-sena s-Servizz Pubbliku se jniedi pjan ta’ tliet snin li se jelenka dak li hemm bżonn isir għall-ġejjieni fil-qasam tat-teknoloġija.