Wara li tnediet skema biex min m’għandux spazju fuq il-bejt ikun jista japplika għal pannelli solari f’solar farm u ġew imġedda l-iskemi domestici u għall-industrija tul dawn l-aħħar erba’ snin, il-Ministru Konrad Mizzi ħabbar li permezz ta’ Public Private Partnerships ma’ rappreżentanti tal-industrija dawn l-opportunitajiet biex is-settur ta’ enerġija solari jkompli jikber se jiżdiedu.
Dan hekk kif se titwaqqaf kumpanija għall-iżvilupp ta’ solar farms fuq art tal-korporazzjoni WSC bi sħab mal-Malta Developers Association u imprendituri li jimpurtaw il-panelli solari.
Dan il-ftehim bejn il-WSC u l-Malta Developers Association (MDA) li se jkun qed iwassal biex fuq art tal-WSC, identifikata apposta, jkunu jistgħu jsiru pannelli solari.
Dan se jkun qed iwassal:
- Għal aktar investiment f’enerġija nadifa
- Ħidma biex jintlaħqu l-miri tal-Gvern f’dik li hija enerġija rinovabbli
- Jiżdiedu l-opportunitajiet għall-kumpaniji f’pajjiżna li jissupplixxu l-panelli
- Għal aktar Green jobs
- Biex isir użu aħjar ta’ artijiet tal-WSC għal dan l-għan.
L-art identifikata fil-ftehim mal-MDA ser twassal biex jinbena impjant ta’ mill-inqas 1MW u tinkludi tliet ġibjuni f’Ħ’Attard li fuqhom ser ikunu qed isiru l-pannelli. Il-kobor tal-art huwa ta’ madwar 13,000 metru kwadru.
Il-ftehim qed isir ma’ rappreżentanti ta’ kumpaniji li joperaw fis-settur ta’ enerġija solari wara li dawn avviċinaw il-Gvern b’din il-proposta biex ikompli jinħoloq ix-xogħol f’dan is-settur. Mhux eskluz li l-Gvern jiffirma ftehim simili ma’ rapprezżntanti oħra.