Wara li aktar kmieni llum, kumpanija tal-igaming f’pajjiżna, Genesis Global fetħet proċedura ta’ insolvency tal-kumpanija, fi stqarrija tħabbar li l-Ministru għall-Ekonomija, Fondi Ewropej u Artijiet, Silvio Schembri kkummisjona lil Gaming Malta b’ħidma immedjata sabiex jinstab impjieg alternattiv għal madwar 80 ħaddiem li ġie affettwat.
Fil-fatt, numru ta’ ħaddiema li ngħataw is-sensja minn ma’ Genesis Global diġà sabu impjieg fis-settur, filwaqt li l-ħidma għadha għaddejja biex il-bqija tal-ħaddiema milquta, jokkupaw wieħed mis-700 impjieg vakanti li bħalissa hemm fil-qasam tal-igaming f’pajjiżna.
Fl-istqarrija intqal ukoll li l-Ministeru permezz ta’ Gaming Malta qiegħed f’kuntatt mad-diriġenti tal-kumpanija, biex jgħaddu d-dettalji tal-ħaddiema li ġie t-terminat l-impjieg tagħhom, biex b’hekk ikun jista’ jsir kuntatt magħhom.
Il-kunsill tal-iGaming li ġie mwaqqaf aktar kmieni dan ix-xahar, ġie infurmat ukoll bil-każ u bħala kunsill qed issir ħidma biex tingħata l-għajnuna neċessarja lill-ħaddiema affetwati.