Il-Gvern għaddej b’ħidma fuq pjanijiet sabiex pajjiżna jkollu sptar ġdid li jservi bħala ‘Day Hospital.’
Ħabbar dan il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela waqt dibattitu politiku mxandar fuq il-programm XTRA t-Tnejn filgħaxija.
Fil-fatt, il-Ministru Abela rrimarka kif il-pjanijiet tal-Gvern huma li dan l-isptar ġdid flok l-isptar San Luqa, jirrileva aktar spazju fl-Isptar Mater Dei biex dan ikompli jintuża għall-kura.
Qal, “L-isptar il-ġdid kif qed nippjanawh aħna issa, dawn m’għadhomx pjanijiet embrijoniċi għax issa għaddej iż-żmien. L-isptar il-ġdid aħna nixtiequh bħala ‘Day Hospital,’ jiġifieri s-servizzi li hemm Mater Dei ta’ day hospital, jitmexxew fl-isptar il-ġdid, ikun sptar ‘Ambulatory Care Hospital’ jgħidulu li joħloq spazju għal iktar kura ġewwa Mater Dei.”
Intant, il-Ministru Jo Etienne Abela fakkar kif fl-aħħar snin, is-settur tas-saħħa f’pajjiżna għamel avvanzi kbar tant li huwa meqjus bħala wieħed minn ta’ quddiem fl-Ewropa, partikolarment f’dak li għandu x’jaqsam trattament ta’ mard partikolari komuni.
Hawn il-Ministru Abela ġab eżempju bil-marda tal-kanċer tas-sider u s-suċċess tat-trattament tagħha f’pajjiżna.
Qal, “Ħa naqbad marda, il-marda tal-kanċer tas-sider li f’pajjiżna f’Malta u Għawdex taffettwa ħafna u ħafna nisa u anke rġiel. Mela jekk inħarsu lejn ir-riżultati tal-kura li tiġi mgħotija f’pajjiżna, aħna niġu t-tieni l-aħjar fl-Ewropa. Qed insemmi l-kanċer tas-sider għax hija marda komuni bħal ma hija komuni l-mard tal-kanċer tal-musrana, bħal ma hu l-mard tal-kanċer tal-pajp tal-ikel tal-frixa. Aħna r-riżultati tagħna jikkumparaw tajjeb ħafna, huma riżultati eċċellenti li jikkumparaw ma’ pajjiżi oħra.”
Il-Ministru Jo Etienne Abela saħaq ukoll kif fil-qasam tal-Kardjoloġija l-esperti ta’ pajjiżna saħansitra qed jgħallmu professjonisti barra minn xtutna metodi u proċeduri innovattivi.
Qal, “Ħa nsemmi l-Kardjoloġija. Il-Kardjoloġija huwa settur fil-qasam tagħna tas-saħħa ġewwa pajjiżna fejn l-esperti li joffru dawn is-servizzi, saħansitra jgħallmu proċeduri innovattivi lil pajjiżi ġirien u l-bogħod minnha. Jiġifieri li ngħidu li qisu s-saħħa f’pajjiżna dawn l-aħħar ftit snin ma ġara xejn, huwa żball.”