B’daqqa ta’ pinna kien iffirmat ftehim soċjali għat-tliet snin li ġejjin li permezz tiegħu l-Gvern se tingħata għajnuna finanzjarja ta’ ftit aktar minn miljun u nofs ewro lill-għaqda YMCA.
L-għaqda YMCA tgħin persuni vulnerabbli, fejn aktarx ikunu bla saqaf fuq rashom u li jeħtieġu għajnuna fl-immedjat.
Din l-għajnuna se tagħti spinta ’l quddiem din l-organiżazzjoni sabiex tkun tista’ tifrex is-servizzi tagħha fil-komunità, fejn permezz ta’ dan il-ftehim il-YMCA se tkun tista’ tagħti servizz t’appoġġ psikoloġiku u soċjali.
Il-Ministru għall-Ġustizzja Soċjali Michael Falzon spjega li dan il-ftehim se jkun qed jiggarantixxi l-użu ta’ erbgħa u tletin sodda f’Dar Nikki Cassar u erbatax-il sodda f’Y Communal Home.
Saħaq li permezz ta’ dan il-ftehim, din l-għaqda se tgawdi minn nofs miljun ewro aktar minn dak ta’ qablu biex din l-għaqda tkun tista’ toffri ħamsin sodda ġdida u minn dar waħda tkun tista tibda taħdem minn tnejn.
Il-Ministru Michael Falzon qal li preżentament il-Gvern għandu erbgħa u tletin ftehim soċjali ma’ ħamsa u għoxrin għaqda mhux governattiva li lkoll iwettqu xogħol soċjali imprezzabbli fil-komunità.
Qal li dan kollu qed isir b’allokazzjoni finanzjarja ta’ aktar minn għaxar miljun ewro fis-sena.
Qal kif, “Dover tagħna ukoll li nagħmlu dak kollhu li nistgħu flimkien ma NGO’s oħra u oħrajn biex intejbu l-qagħda soċjali ta’ pajjiżna.”
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-YMCA Anthony Camilleri faħħar il-ħidma tal-Gvern u qal li dan huwa Gvern li jisma’ u li juri solidarjetà lin-nies li jkunu għaddejjin minn sfidi f’ħajjithom.
Spjega, “L-għan ta’ żewġ shelters illi illum il-ġurnata grazzi għal dan il-kuntratt se nkunu qegħdin naħdmu bihom mhux se ikun biss jagħti saqaf imma se nkunu qegħdin nagħtuhom l-iskills li hemm bżonn sabiex dawn jerġgħu lura fiż-żmien qasir lura lejn is-soċjetà b’mod indipendenti.”