Il-Ġimgħa filgħodu ġie iffirmat ftehim soċjali għat-tliet snin li ġejjin, li permezz tiegħu l-Gvern se jagħti għajnuna finanzjarja ta’ kważi tmien mitt elf ewro lil Caritas Malta.
Għal dawn l-aħħar tliet snin Dar Charles Miceli, iċ-ċentru ta’ Caritas Malta, li jibqa’ jagħti appoġġ lin-nies wara li jkunu temmew programm ta’ rijabilitazzjoni mill-vizzji, se jibqa’ joffri servizz u saħansitra jtejbu.
Il-Ministru għall-Ġustizzja Soċjali Michael Falzon spjega li dan il-ftehim se jkun qed jiggarantixxi l-użu ta’ disa’ sodod f’Dar Charles Miceli fil-Mosta u aktar minn elfejn u ħames mitt siegħa ta’ terapija individwali u fi gruppi.
Saħaq li permezz ta’ dan il-ftehim, Caritas Malta se tkompli issaħħaħ ix-xogħol professjonali offrut minn din id-dar li tilqa’ fiha diversi persuni li isibu appoġġ erbgħa u għoxrin siegħa kulljum biex jiġi assigurat li ma jerġgħux jaqgħu fil-vizzji.
Qal, “Huwa ftehim li jkopri perjodu ta’ tliet snin, ftehim mal-Caritas fejn hawn il-Gvern qed jimpenja ruħu li jinvesti s-somma ta’ tmien mitt elf ewro f’dar li hija intenzjonata, f’Dar Charles Miceli li hija maħsuba għal dik li tirrigwarda after-care.”
Id-Direttur ta’ Caritas Malta, Anthony Gatt spjega li permezz ta’ dan il-ftehim, Dar Charles Micelli se tibqa’ tkun ta’ ispirazzjoni għal min qed jiġġieled il-vizzju tad-droga.
Gatt spjega li aktar minn hekk se jkomplu jissaħħu l-programmi li jibqgħu jsewgu lill-klijenti ta’ din id-dar.
Qal li l-iskop ta’ din id-dar huwa wkoll biex persuni li jkunu bdew ħerġin mid-dipendenza fuq id-droga, jibdew jintegraw lura fis-soċjetà u jgħixu ħajja iktar indipendenti sakemm iqumu kompletament fuq saqajhom.
Spjega, “Il-klijenti li imissu ma’ din id-dar, prattikament għanda rata ta’ retention-rate ta’ tlieta u sebgħin fil-mija. Jekk wasalna f’din il-fażi li immantnu din il-ħajja mingħajr droga, hemmhekk naraw is-suċċess tagħhom meta jkollhom l-appoġġ li għandhom bżonn.”