Maebel Mehari ta’ 23 sena, immigrant mill-Eritrea huwa fost iż-żgħażagħ li qed jgħixu f’Dar Mamma Margherita. Dar imexxija mis-Salesjani Don Bosco li tilqa’ fiha żgħażagħ li għal xi raġuni ma jibqgħux jgħixu ma’ familthom.
Iż-żagħżugħ ilu mill-2017 f’Malta u ilu għal dawn l-aħħar tliet snin jgħix fir-residenza. Huwa spjega l-esperjenza tiegħu tant li anke qed ikompli bl-istudju tiegħu fl-MCAST.
Mehari stqarr: “My experience living with the Salesians has been very progressive, I have been living for the last three years over here. It’s a really good experience, including my school at MCAST it’s really good experience and also very helpful.”
Mehari sostna l-aspirazzjonijiet li jixtieq jilħaq anke bis-saħħa tal-għajnuna li qed jingħata.
Huwa tenna: “I am trying to finish my education and work in Malta as a Maltese citizen.”
Intant permezz ta’ ftehim mal-Gvern, l-għaqda Salesjani Don Bosco se tkun qed tirċievi għajnuna finanzjarja ta’ disa’ mitt elf ewro fit-tliet snin li ġejjin sabiex tkompli bil-ħidma tagħha fost l-24 żagħżugħ li qed jgħixu f’waħda mit-tlett idjar. Dan l-investiment qed isir b’żieda ta’ 25% fuq il-ftehim soċjali ta’ qablu, u għalhekk se jagħmel ukoll disponibbli l-użu ta’ 19-il sodda.
Id-Direttur tad-dar qal illi bħala għaqda hija sensittiva għal ħtiġijiet taż-żgħażagħ: “Aħna qegħdin naħdmu ħafna biex ngħinu, biex lil dawn iż-żgħażagħ noħorġuhom miċ-ċirku tal-faqar u ma jibqgħux dipendenti fuq is-soċjetà, illi huma jsiru ċittadini onesti u produttivi, importanti ħafna. Allura aħna nemmnu li ma jistax ikun li ma naħdmux id f’id mal-Gvernijiet taż-żmien.”
Il-Ministru għall-Ġustizzja u s-Solidarjeta Soċjali Michael Falzon temm jgħid li l-għajnuna tal-Gvern hija dover biex il-kollaborazzjoni tħalli marka pożittiva fis-soċjetà.
Il-Ministru Falzon qal, “Jiena konvint illi huma flus investiti, mhux flus minfuqa imma flus investiti fis-soċjetà Maltija.”