Ġie ffirmat ftehim bejn il-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza u l-Fondazzjoni mid-Dlam għad-Dawl li permezz tiegħu se jissoktaw numru ta’ servizzi li l-fondazzjoni diġà tagħti lill-priġunieri u l-familji tagħhom, kif ukoll se jiġu maħluqa servizzi oħrajn ġodda, fosthom bit-twaqqif ta’ ‘halfway house’ fil-Birgu.
Dan tħabbar fi stqarrija mill-istess Ministeru, fejn ġie spjegat li f’din id-dar, il-fondazzjoni se tkun qed tilqa’ numru ta’ priġunieri li jkunu waslu fl-aħħar parti tas-sentenza tagħhom, sabiex iwettqu programm ta’ riabilitazzjoni qabel jerġgħu jintegraw lura mas-soċjetà.
Il-Gvern se jkun qed jinvesti aktar minn €1.1 miljun sabiex il-fondazzjoni tkun tista’ tiftaħ din id-dar biex tgħin fir-riabilitazzjoni tal-priġunieri u tgħin lill-familji tagħhom. Din id-dar hija mistennija tiftaħ il-bibien tagħha f’Ottubru li ġej.
Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza, Byron Camilleri, li kien preżenti għal dan il-ftehim sostna li din il-kollaborazzjoni mal-Fondazzjoni mid-Dlam għad-Dawl hija waħda kruċjali mmens u diġà qed tħalli ħafna effetti pożittivi.
“Qed nibqgħu ninvestu fir-riabiltazzjoni ta’ dawk li jkunu qegħdin jiskontaw sentenza ta’ priġunerija. Qed nagħmluh dan anke viċin l-għaqda volontarja mid-dlam għad-dawl. Fejn qed nagħmluh anke permezz ta’ tlett proġetti, żewġ proġetti li diġa bdew jiffunzjonaw, it-tielet wieħed ser naraw il-frott tiegħu fix-xhur li ġejjin.”
Il-Ministru Camilleri saħaq li l-proċess ta’ riabilitazzjoni huwa ferm importanti għaliex dan mhux biss jagħti formazzjoni lill-priġunieri lura sabiex jerġgħu jaqbdu rotta tajba f’ġajjithom, iżda jgħin ukoll sabiex tonqos ir-rata ta’ reċediviżmu fil-komunità tagħna.
Min-naħa tiegħu, iċ-Chairperson tal-Fondazzjoni mid-Dlam għad-Dawl George Busuttil qal kif permezz ta’ dan il-ftehim ġiet ikkonsolidata l-ħidma tal-fondazzjoni qalb il-priġunieri.
“B’dan dan il-ftehim li għadna kemm iffirmajna se nikkonsolidaw il-ħidma ta’ mid-Dlam għad-Dawl għat-tlett snin li ġejjin se nkunu nistgħu nkomplu bil-proġetti li għandna li huma sessjonijiet ta’ terapija għall-familji tal-priġunieri li għandhom xi ħaġa li mhijiex għaddejja tajjeb fil-familja. Se nkomplu wkoll nattrezzaw aħjar il-post li għandna fejn priġunieri jiġu jiltaqgħu mat-tfal tagħhom u se nlestu u se tibda topera r-residenza fil-Birgu li aħna qed insejħu Dar bla Ħitan.”
Il-ftehim ġie ffirmat mis-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Emmanuel Psaila, il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi Chris Siegeresma, iċ-Chairperson tal-Fondazzjoni mid-Dlam għad-Dawl George Busuttil u d-Deputat Chairperson tal-istess fondazzjoni Matthew Agius.