Il-Gvern għadda €300,000 lil Allied Rainbow Communities sabiex f’Settembru ta’ sentejn oħra, Malta tilqa’ l-EuroPride.
Il-EuroPride hija l-akbar avveniment Ewropew ta’ persuni LGBTIQ, li ta’ kull sena jattira diversi persuni minn madwar id-dinja.
Dawn il-fondi ngħataw waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Ugwaljanza Edward Zammit Lewis, li qal kif dan il-Gvern għamel diversi bidliet ’il quddiem f’dan il-qasam.
Il-Koordinatur ta’ Allied Rainbow Communities, Clayton Mercieca qal li pajjiżna beda jaħdem sabiex jilqa’ din l-attività sentejn oħra.
Hawnhekk pajjiżna għeleb lil bliet bħal Rotterdam u Dublin biex jilqa’ din l-attività.
Mercieca spjega magħna x’ser jinvolvi l-avveniment tal-Europride.
Huwa qalilna, “Ikun hemm programm varjat, se jkun programm artistiku kif ukoll programm soċjali u informattiv, edukattiv. L-għan tagħna huwa li nistiednu numru ta’ attivisti mill-Ewropa u wkoll minn barra minn xtutna u noħolqu riżoluzzjoni favur l-ugwaljanza aktar dinjija.”
Il-Ministru Edward Zammit Lewis qal kif permezz ta’ dan l-avveniment, pajjiżna se juri kif huwa minn ta’ quddiem f’dan il-qasam. Qal kif hemm pajjiżi madwarna fosthom fl-Unjoni Ewropea, li għadhom lura f’dan il-qasam.
Huwa qal, “M’hemmx dubju li l-EuroPride se tkun opportunità li nagħmlu statement, niskambjaw il-best practices u fuq kollox ikun hemm spin-offs ukoll ekonomiċi. Kienet xi ħaġa li emminna jiena u l-Prim Ministru, tajna s-sapport lill-organizzazzjoni ARC u dan is-sapport irbaħna anke lill-bliet kapitali importanti fl-Ewropa biex il-EuroPride 2023 jiġi f’pajjiżna.”