Il-Gvern Malti qed joħroġ żewġ miljuni u nofs ewro fix-xahar sabiex iżomm il-prezzijiet tal-fjuwil f’pajjiżna stabbli.
Ħabbar dan il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana waqt il-programm Pjazza fuq ONE fl-isfond ta’ sitwazzjoni ta’ kriżi fil-prezzijiet tal-fjuwil madwar id-dinja hekk kif għolew sew.
Madankollu f’Malta minkejja li ġiet affettwata wkoll minn din il-kriżi, Gvern Laburista mhux qed iħalli l-piż jaqa’ fuq il-konsumatur.
Il-Ministru Clyde Caruana spjega kif, “Propju minn dak li għandu x’jaqsam il-prezz tal-fjuwil bdejna minn Novembru li għadda fejn naqqasna s-sisa li tiġi intaxxata fuq il-prezz tal-petrol sabiex b’hekk il-Gvern tilef id-dħul mit-tassazzjoni sabiex b’hekk inkunu nistgħu nżommu l-prezz kif inhu. Dik kull xahar qed tiġi tiswina €2.5 miljuni u propju qed naraw li nkomplu għaddejjin hekk sal-aħħar ta’ din is-sena.”
Il-Ministru Caruana qal kif kieku l-Gvern ma’ għamilx dan illum il-poplu Malti u Għawdxi qed iħallas ferm aktar għad-diesel u l-petrol.
Hu stqarr “Ma tidhirx din, ħadd ma jitkellem fuqha, forsi qed nitkellmu fuqha llum l-ewwel darba li l-Gvern qed jitlef €2.5 miljun fix-xahar sabiex jagħmel tajjeb għaż-żieda fil-petrol. Li kieku ma għamilniex hekk u ħallejna ż-żieda tmur fuq il-konsumatur, minn tal-inqas il-prezzijiet kienu jgħolew b’xi 15c U 18c l-litru d-diesel u l-petrol.”
Madankollu mistoqsi dwar il-previżżjonijiet ‘ il quddiem għal din il-kriżi, il-Ministru Clyde Caruana tenna li aktar tard din is-sena l-prezzijiet mistennija jiġu aktar stabbli.
Intant il-Ministru Caruana tkellem ukoll dwar iż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija li wkoll qed jiddominaw madwar l-Ewropa kollha. Eżempju minnhom huwa fi Spanja fejn il-bidu ta’ din is-sena rat rekord ta’ l-akbar żieda fil-prezzijiet tal-kont tad-dawl.
Dan hekk kif filwaqt li l-prezz ta’ kull megawatt fl-2021 sa Awwissu kien biss ta’ €39, fl-ewwel ta’ Jannar dan tela’ għal aktar minn €115 euro.
Franza wkoll rat żieda ta’ madwar 50% fil-prezzijiet tad-dawl
Però bħal fil-każ tal-prezzijiet tal-fjuwil, b’differenza mal-bqija tal-Ewropa, il-poplu Malti u Għawdxi mhux iħoss il-piż ta’ din il-problema.
Il-Ministru Clyde Caruana spjega għaliex: “Diġà infaqna kif għidt mijiet ta’ miljuni jiġifieri mhumiex xi €10, €20, €30, €40 miljun imma pjuttost infaqna bejn wieħed u ieħor madwar €180 miljun li dan għandu jtina iva cuschion għat-tul sabiex b’hekk ukoll nassiguraw li ma jiżdiedux il-kontijiet imma apparti minn hekk ukoll, inkunu qed nagħtu wkoll biżżejjed żmien ħalli anke dak li qed jiġri fis-swieq internazzjonali bil-mod il-mod jerġgħu jibdew jikkalmaw l-affarijiet.”