Il-Gvern iddedika fond ta’ €500,000 f’sena biex tkun sostnuta l-ħidma tal-ġurnaliżmu stampat f’pajjiżna.
Dan hekk kif il-Gvern se jassisti lill-pubblikaturi tal-gazzetti fi żmien fejn qed jiffaċċjaw sfidi sinfikanti, riżultat taż-żieda sostanzjali fil-prezz tal-karta.
Dan intqal fi stqarrija mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru, hekk kif il-Kumitat tal-Pubblikaturi flimkien ma’ rappreżentanti tal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin kellhom laqgħa mal-Prim Ministru Robert Abela f’Kastilja.
F’pajjiżna, il-gazzetti stampati jimpjegaw mas-66 ġurnalist full-time u bosta oħrajn part-time. Dawn jippubblikaw 14-il gazzetta differenti li joħorġu l-Ħadd, kuljum jew kull ġimgħa.
Waqt din il-laqgħa, ġie diskuss ukoll l-irwol tal-gazzetta bħala parti essenzjali mill-midja, li hija element b’saħħtu f’demokrazija.
Preżenti għal din il-laqgħa, il-Prim Ministru kien akkumpanjat mill-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana u l-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici.