Il-Gvern qed jipproponi emendi fil-Liġi tal-Kera, li jinsabu fi stadju ta’ kumitat Parlamentari, biex jindirizzaw l-iffollar f’residenzi li l-kirja tagħhom tkun maqsuma bejn numru ta’ persuni individwalment. B’hekk mhux se jibqa’ jkun ittollerat l-abbuż, li qatt ma ġie rregolat.
Dwar dan ONE News tkellem mal-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, Roderick Galdes, li spjega l-emendi li qed jipproponi l-Gvern.
Hu spjega b’mod prattiku kif, pereżempju, f’appartamenti għall-kiri xxerjati, li jkollhom kamra tas-sodda waħda, allura ma jistax ikun hemm iżjed minn żewġ persuni jgħixu fih. Bl-istess mod, f’appartament b’żewġt ikmamar tas-sodod, ma jistax ikun hemm aktar minn erba’ persuni.
Il-Ministru Galdes spjega ma’ ONE News l-għan ta’ dawn l-emendi.
Qal, “L-iskop ta’ din ir-riforma ħa tkun biex ma jkunx hemm l-iffollar u ma jkunx hemm ukoll problema mal-ġirien u anke mal-komunità tal-madwar u jkollna wkoll min jipprova jdaħħal aktar persuni u allura jkun hemm spekulazzjoni fuq il-prezz tal-proprjetà u anke l-prezz tal-kirjiet u allura l-iskop li tkun hemm stabbiltà anke fis-settur tal-kera.”
Il-Ministru Galdes iċċara li din ma taffettawx lill-familji, hekk kif dawn huma eżentati mill-iskop ta’ din l-emenda fil-liġi.
Hu sostna li se jkun hemm inforzar b’saħħtu biex kulħadd ikun konformi mar-regoli.
Qal, “Ħa jkun hemm inforzar qawwi, li l-ebda reġistrazzjoni ta’ kirja li taċċedi l-ammont ta’ kmarar u se titħalla minn Settembru li ġej u allura ħafna mir-reġistrazzjonijiet se jkunu qegħdin isiru abbażi tad-dikjarazzjoni. F’każ li jinqabad is-sid li qed jagħmel dikjarazzjoni falza jew inkella qed jikser ir-regolamenti, qed isiru l-ispezzjonijiet. Ħa jsiru l-ispezzjonijiet mill-uffiċjali tal-Awtorità tad-Djar, flimkien mal-Pulizija wkoll. F’każ se jiġu avżati wkoll l-Awtorità tal-Ippjanar li hemm illegalità marbuta ma’ dak il-bini.”
Stqarr li dawn il-multi se jkunu qed ilaħħqu sa elfejn u tliet mitt ewro fuq bażi amministrattiva u mbagħad, fuq bażi kriminali, jistgħu jitilgħu sa għaxart elef ewro.