Il-Gvern permezz tal-fond għall-kawżi ġusti se jagħti donazzjoni sa’ massimu ta’ €50,000 lill-Paroċċa tal-Furjana biex jibnu ark trijonfali ġdid, flok dak li tqabbad fi tmiem il-ġimgħa li għadda.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna, l-Arċipriet tal-Paroċċa Dun Charles Cini u s-Sindku Davina Sammut Hili, bit-tema ‘Surplus għan-Nies’.
Dun Charles Cini qal kif bħalissa qed jinġabru għadd ta’ stimi minn mastrudaxxi biex minnufih jibda x-xogħol fuq l-ark il-ġdid.
“Dan il-ġest li għamel il-Ministru huwa ġest li jagħtina nifs tajjeb biex aħna nkunu nistgħu nibdew u nipproċedu biex jibda x-xogħol,” qal l-Arċipriet.
Il-Ministru Edward Scicluna spjega li l-fond għal kawżi ġusti jagħti sa 66% tal-ispiża totali u għalhekk id-donazzjoni tista’ tvarja bejn €20,000 u €50,000.
“Il-Gvern irrid juri li bħal Maltin u l-Għawdxin kollha, tingħafas qalbu meta jaraw wirt storiku mmur fi fjammi. Aħna nħossu għal Furjaniżi li parti minnhom saret irmied,” spjega l-Professur Scicluna.
F’isem il-komunita’ Furjaniża, is-Sindku Davina Sammut Hili, wriet l-apprezzament lejn dan il-ġest. Qalet li dan se jixpruna lill-bosta persuni u entitajiet oħra biex huma wkoll jagħtu sehemhom.