Aktar minn erbatax-il elf student bdew jirċievu mitt ewro żieda fis-sena mal-għotja ta’ erba’ mitt ewro li diġa jingħataw.
Din l-għotja żejda ta’ mitt ewro lill-istudenti f’livell post-sekondarju u terzjarju kellha tibda tingħata mis-sena d-dieħla iżda l-Gvern iddeċieda li jonora l-wegħda elettorali tiegħu minn issa.
Filfatt hu mistenni li sal-Ġimgħa li ġej l-istudenti kollha jkunu rċievew din iż-żieda ta’ mitt ewro.
Il-Gvern saħaq li din hi miżura oħra importanti f’sensiela ta’ miżuri li ġew implimentati fl-aħħar snin u li l-Gvern daħħal biex iżid u jsaħħaħ l-għotjiet ta’ manteniment lill-istudenti, fosthom iż-żieda kull sena tal-għoli tal-ħajja, għotjiet addizzjonali għal ġenituri singoli fost l-oħrajn.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo qal li din iż-żieda ġejja wkoll wara li dan il-Gvern żied l-istipendji biex ikompli jgħin l-istudenti fl-istudji tagħhom.
Sadanittant il-Gvern qal li se jindirizza minnufih il-problema amministrattiva ta’ numru ta’ studenti li kellhom xi żbalji fl-għoti tal-istipendju.