L-industrija tal-bini u l-professjonisti għandhom iħarsu l-obbligi tagħhom skont il-liġi. Dan qalu l-Gvern fi stqarrija ppubblika b’reazzjoni għall-inċident tas-Sibt filgħodu fil-Mellieħa.
L-istqarrija qalet li l-Gvern se jkun qed joffri assistenza kollha possibbli lill-vittmi u se jkompli jagħmel dan bil-mezzi kollha disponibbli għalih.
Min-naħa tiegħu s-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Artijiet Chris Agius spjega kif bħalissa l-Gvern qed jaħdem sabiex l-aġenziji u bordijiet kollha relatati mas-settur tal-kostruzzjoni jingħaqdu f’aġenzija waħda bil-ħsieb li fil-futur tinbidel f’awtorità.
“Għandna ħafna liġijiet li kienu sparpaljati b’wħud minnhom imorru lura għexieren ta’ snin. Illum għandna numru ta’ entitajiet. Hemm il-BRO, BICC, Masons Boards u aħna sabiex naderixxu għall-wegħda elettorali tagħna aħna qed inħarsu l-quddiem sabiex l-ewwel ikollna aġenzija mbagħad ikollna awtorita waħda li tkun tista tħares il-qasam kollu tal-bini u kostruzzjoni,” saħaq is-Segretarju Parlamentari.
L-Awtorità se tkun qed tikkonsolida u taġġorna l-liġijiet kollha f’dan is-settur li wħud minnhom imorru lura għexieren ta’ snin. Ir-responsabilitajiet għandhom ikunu ċari u l-liġijiet il-ġodda se jġibu taħt kodiċi wieħed ir-responsabilitajiet li jirriflettu r-realtajiet ġodda f’dan il-qasam.
Il-liġijiet il-ġodda wkoll se jkunu qed jiddefenixxu d-drittijiet ta’ terzi persuni fosthom dawk tal-ġirien.