Il-Gvern ser ikun qed joffri spalla lin-negozji lokali f’kull diffikultà li jistgħu jiltaqgħu magħha hekk kif kull ma jmur il-perjodu tranżitorju ta’ Brexit qed jasal lejn tmiemu.
F’dan id-dawl il-Gvern qed jappella biex kull min jiltaqa’ ma’ xi diffikultà relatata mat-tluq tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea, dan għandu jfittex l-għajnuna u jersaq ‘l quddiem.
Dan l-appell għamlitu l-Ministru għall-Intrapriża Miriam Dalli waqt webinar organizzat mill-kamra Maltija għan-Negozji Żgħar u Medji, li fiha n-negozji setgħu jistaqsu dwar il-preparamenti li qed isiru u r-realtajiet ġodda li se jitfaċċaw.
Il-Ministru Dalli stqarret: “Irridu naċċertaw ruħna li kull industrija fil-pajjiż u kull negozju ikunu preparati għal kull eventwalità. Dak huwa l-impenn tagħna bħala Gvern u dik l-għajnuna li ser inkunu qed inkomplu noffru biex naċċertaw ruħna li n-negozji jkunu fl-aħjar pożizzjoni possibbli.”
Is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi nnota kif il-liġijiet tal-Unjoni Ewropea ser jieqfu japplikaw għar-Renju Unit wara l-31 ta’ Diċembru. Fost il-preparamenti li qed jagħmel il-Gvern hemm żieda f’riżorsi amministrattivi f’entitajiet bħad-Dwana u tħejjijiet f’Identity Malta biex ikunu rreġistrati residenti Ingliżi f’Malta
Huwa sostna: “Il-Gvern ilu jieħu l-passi biex inkunu preparati għal Brexit kif ukoll qiegħed jagħti informazzjoni estensiva lin-negozji kollha u l-pubbliku inġenerali dwar il-bidliet li ser ikun hemm bżonn iseħħu.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-kamra għan-negozji żgħar u medji, Abigail Mamo saħqet dwar l-importanza li n-negozji lokali jkunu mħejjija.