Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo ltaqa’ mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Greċja Nikos Dendias, waqt żjara uffiċjali f’Ateni fejn kellu taħdidiet dwar is-sitwazzjoni fil-Lvant tal-Mediterran, il-qagħda fil-Libja u l-impatt tal-migrazzjoni irregolari fuq iż-żewġ pajjiżi.
Il-Ministru Bartolo qal li Malta u l-Greċja huma fl-Unjoni Ewropea, li wieħed mill-valuri tagħha huwa s-solidarjetà. Huwa awgura li r-relazzjoni ta’ bejniethom tkompli tissaħħaħ fl-oqsma differenti, fosthom fil-kummerċ marittimu fejn nofs is-sidien tal-vapuri Griegi jtajru l-bandiera Maltija.
Il-Ministru Bartolo qal li Malta hija l-iżgħar stat fil-Mediterran u fl-Unjoni Ewropea, bl-isfidi kollha li din ir-realtà ġġib magħha. Huwa fisser kif wara snin maħkuma u tant tbatija biex saret stat sovran u newtrali żgur li Malta llum mhux se tmur lura u tippermetti li tintuża b’xi mod jew ieħor militarment minn pajjiż kontra pajjiż ieħor.
F’dan ir-rigward, il-ministru saħaq li n-newtralità hija minsuġa fil-Kostituzzjoni u fl-identità tal-Maltin, kif inhi marbuta mal-Maltin ukoll il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar. Huwa għalhekk li Malta se tibqa’ tadvoka li kwalunkwe diżgwid fil-Lvant tal-Mediterran ikun riżolt permezz ta’ djalogu u b’osservanza sħiħa għal-prinċipji u l-proviżjonijiet tal-liġi internazzjonali.
Huwa qal li l-kompromess iweġġa’ imma kunflitt militari żgur li jweġġa’ iżjed. F’dan il-kuntest, il-Ministru Bartolo qal li jrid jintlaħaq ftehim li ma jumilja lil ħadd u tenna l-appell ta’ Malta lill-partijiet kollha biex iwaqqfu l-attivitajiet kollha fiż-żoni kontestati, jirrikorru għad-djalogu, u jaslu għal soluzzjonijiet paċifiċi għat-tilwim ta’ bejniethom.
Il-Ministru Bartolo qal li rridu noqogħdu attenti li b’li nagħmlu, ma nagħmlux l-affarijiet agħar bħalma ġara fil-Libja ħdax-il sena ilu. L-attakk militari tan-NATO neħħa lill-Gaddafi biex il-Libja llum għada mfarrka, il-Libjani qed ibatu ħafna, u għall-ewwel darba f’erbgħin sena tista’ tispiċċa b’bażijiet militari barranin fiha.
Il-Ministru Bartolo żied li għalkemm il-waqfien mill-ġlied fil-Libja kien pass importanti, il-problemi ekonomiċi u soċjali, li komplew jigravaw bl-imxija tal-pandemija COVID-19, qed joħolqu aktar problemi waqt li jipprovdu art fertili lit-traffikanti tal-bnedmin biex ikomplu jisfruttaw lin-nies f’sitwazzjonijiet vulnerabbli u tiżdied il-mewġa tal-migrazzjoni irregolari fil-Mediterran.
Dwar l-immigrazzjoni irregolari, il-Ministru Bartolo semma li fl-aħħar ħmistax-il sena, il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea ħadu biss 8% tal-migranti irregolari li waslu Malta. Fl-aħħar erba’ xhur, il-Gwardja tal-Kosta Libjana żammet 3500 migranti irregolari milli jaslu Malta, li żgur ma tiflaħx għalihom minħabba d-daqs ċkejken tagħha.
Iż-żewġ naħat qablu li din hija sfida komuni li tirrikjedi soluzzjoni komuni mill-Unjoni Ewropea. Huma saħqu li l-Unjoni Ewropea għandha tagħmel aktar biex tassisti l-Gwardja tal-Kosta Libjana fil-ħarsien tal-fruntieri tagħha, tgħin fil-ġlieda kontra t-traffikanti tal-bnedmin u taħdem għall-iżvilupp tal-pajjiżi minn fejn jitilqu l-immigranti irregolari.
Matul din iż-żjara, iż-żewġ ministri ffirmaw Memorandum ta’ Ftehim li jippromwovi t-taħriġ u l-iskambju tal-aqwa prattiċi bejn id-diplomatiċi u l-esperti ta’ Malta u l-Greċja.
Ritratti: Il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tal-Greċja