Ġie inawgurat proġett infrastrutturali ġdid fil-Port ta’ Marsaskala, li kien jinkludi Winch Room u Service Pillars li se jkunu ta’ servizz dirett u essenzjali għall-komunità tas-sajd u dawk li jagħmlu użu tal-port.
Dan il-proġett jirrappreżenta pass ieħor ’il quddiem fil-viżjoni tal-Gvern biex is-settur tas-sajd ikun aktar professjonali, sigur u sostenibbli. Il-Winch Room se tkun qed tintuża mis-sajjieda biex itellgħu u jniżżlu d-dgħajjes filwaqt li s-Service Pillars se joffru aċċess għall-ilma u l-elettriku, servizzi bażiċi li huma meħtieġa għax-xogħol tas-sajd.
Preżenti għal din l-inawgurazzjoni kien hemm is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali, Alicia Bugeja Said fejn spjegat kif dan il-proġett huwa parti minn numru ta’ investimenti li ġew imħabbra fil-Budget, bl-għan li jkomplu jsaħħu l-portijiet tas-sajjieda madwar Malta u Għawdex.
“Bħalissa l-Gvern għaddej b’investiment differenti fil-portijiet tas-sajjieda. Fil-Port ta’ San Tumas ta’ Marsaskala qed ninawguraw proġett ġdid ta’ winch room u pillars tad-dawl u l-ilma sabiex jutilizzawh is-sajjieda ta’ dawn in-naħat. Permezz ta’ dan l-investiment inkunu nistgħu niffaċilitaw il-ħidma tas-sajjieda tagħna sabiex iwasslu prodott lokali u frisk lill-konsumaturi.”
Is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said
Is-Segretarju Parlamentari ħabbret ukoll li se jiġi introdott servizz ta’ hoisting tat-tonn bla ħlas, disponibbli 24 siegħa kuljum, sabiex tiġi ssimplifikata l-ħidma tal-ħaddiema tas-sajd, partikolarment fir-rigward ta’ ħut kbir bħat-tonn.
L-Aġent Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura, Bjorn Azzopardi, spjega kif qed jaraw li dawn is-servizzi jkunu aċċessibbli minn kulħadd, inkluż għaqdiet ta’ sajjieda dilettanti.
