Permezz ta’ skema li għaliha ġew allokati nofs miljun ewro, il-Gvern se jibqa’ jkun ta’ spalla għall-għaqdiet volontarji li jorganizzaw il-festi tradizzjonali fl-ibliet u l-irħula Maltin u Għawdxin.
F’konferenza tal-aħbarijiet li saret fi Ġnien il-Ġibjun, fiż-Żurrieq, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti, u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, qal li din l-iskema hija miftuħa għall-każini tal-baned, għall-kmamar tan-nar, u għall-għaqdiet tal-armar li pparteċipaw jew se jipparteċipaw b’mod attiv f’xi festa din is-sena.
Id-Direttur għall-Fondi u l-Istrateġija tal-Kunsill Malti għall-Arti, Mary Ann Cauchi, spjegat kif se tkun qed titħaddem din l-iskema, li minnha kull entità tista’ tibbenefika sa elfejn ewro għal kull funzjoni li twettaq.
Cauchi qalet, “Għal kull għan hemm massimu ta’ elfejn ewro. Jiġifieri, jekk l-għaqda volontarja l-istatut tagħha jgħid li din toffri servizzi ta’ banda u nar, dawn jieħdu erbat elef ewro, għaliex għandek elfejn ewro u elfejn ewro għal kul għan. Jekk l-għaqda toffri biss għan wieħed, tieħu massimu ta’ elfejn ewro. Jekk toffri tliet għanjiet, tieħu massimu ta’ sitt elef ewro.”
Ġie spjegat kif dawn il-flus jistgħu jmorru għall-organizazzjoni loġistika tal-festa, fosthom il-kiri ta’ makkinarju li jintuża għall-festi, miżuri biex jitnaqqsu l-periklu, pumpiera, stampar u anke sigurtà.
Il-Ministru Owen Bonnici qal li din l-iskema hija mmirata wkoll sabiex tibqa’ tippreserva t-tradizzjonijiet Maltin, anke wara li ġew milquta b’mod negattiv mill-pandemija.
Bonnici tenna, “B’hekk qegħdin ngħinu fl-ispejjeż li l-għaqdiet jgħaddu minnhom biex jorganizzaw il-festi, imma li din is-sena l-piż huwa akbar minħabba l-fattur tal-pandemija. Jien nemmen li din l-għajnuna se tagħmel differenza biex inkomplu naraw festi sbieħ fis-sajf li ġej, fejn in-nies u familji jieħdu pjaċir u anke l-kultura tkompli tiffjorixxi f’pajjiżna.”
Din l-iskema timxi id f’id ma’ skemi oħra li ħareġ il-Gvern fix-xhur li għaddew sabiex itaffi mill-piżjiet li qed iħabbtu wiċċhom magħhom l-għaqdiet volontarji ta’ pajjiżna.
Il-linji gwida u l-applikazzjonijiet se jkunu disponibbli online fuq is-sit tal-Kunsill Malti għall-Arti minn nhar il-Ġimgħa li ġej.