Inżamm arrestat il-ġuvni li qed jiġi akkużat bi stupru u attentat fuq il-pudur ta’ żewġ membri tal-Korp tal-Pulizija. L-allegat stupru seħħ ġewwa l-bini tal-għassa filwaqt li l-attentat fuq il-pudur seħħ ġewwa vettura tal-Korp.
Kmieni dalgħodu l-ġuvni li ismu ma jistax jixxandar irreżenja wkoll mill-Korp tal-Pulizija.
Minħabba n-natura sensittiva tal-każ, il-Qorti ordnat li isem l-guvni ma jistax jixxandar sabiex tipproteġi l-identita l-vittmi.
Id-difiża mmexxija mill-avukat Alfred Abela talbet li jsir social enquiry report fuq l-imputat u li għandu jitpoġġa taħt ordni ta’ trattament.
Viżibbilment emozzjonat u mbikkem, fi skiet taqtgħu b’sikkina l-ġuvni kellu jiġi kkunslat minn membru tal-familja li kien preżenti fl-awla.
Id-difiża talbet ukoll li fis-seduta li jmiss titla’ tixhed l-ewwel vittma sabiex il-Qorti u l-partijiet involuti jkunu jistgħu iqisu l-pożizzjoni tagħhom. Minn naħa tagħha id-difiża ma talbitx ħelsien mill-arrest.
Il-prosekuzzjoni ppreżentat lill-Qorti ż-żewġ stqarrijiet tal-allegat vittmi tar-reat.
Fuq talba tad-diviża sakemm tkompli l-kawża l-ġuvni mistenni jinżamm fit-Taqsima Forensika tal-Isptar Monte Karmeli. Il-Qorti ordnat ukoll li tinħareġ ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tal-vittmi.
Il-każ mistenni jkompli jinstema għada wara nofsinhar.