Waqt il-ftuħ tal-konferenza dwar il-Ġustizzja Soċjali, l-President tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia, saħaq li l-ġustizzja soċjali mhix u ma għandhiex tkun kwistjoni ta’ partit jew ta’ politika, imma hija responsabbiltà kollettiva li tgħaqqadna lkoll bħala nazzjon.
“Il-ġustizzja soċjali mhix xi kartellun li jappartjeni għal naħa jew oħra. Dan huwa xogħol tagħna lkoll,” qal l-ispeaker Anġlu Farrugia. Huwa enfasizza li soċjetà ġusta tgħix minn politika li tqiegħed lill-persuna fil-qofol tad-deċiżjonijiet tagħha u li tindirizza inugwaljanzi strutturali b’mod preventiv aktar milli reattiv.

L-Ispeaker iddeskriva kif għadna niffaċċjaw sfidi bħal faqar moħbi, xogħol prekarju, u nuqqas ta’ aċċess ugwali għall-edukazzjoni u opportunitajiet. Huwa kompla billi qal li dawn il-problemi mhumiex sempliċi ċifri fuq karta, imma r-realtajiet ta’ nies li qed jgħixu fostna u li jistħoqqilhom dinjità.
Huwa appella għal ħidma kollettiva, billi qal li biex Malta ssir mudell ta’ ġustizzja soċjali, hemm bżonn ħidma mill-parlamentari, mill-għalliema, mis-soċjetà ċivili, mill-organizzazzjonijiet, u anke mill-kumpaniji privati.
L-Ispeaker Anġlu Farrugia temm l-indirizz tiegħu billi stieden lill-parteċipanti biex jieħdu dan il-mument bħala opportunità biex id-diskussjoni twassal għal soluzzjonijiet konkreti li jkomplu jsaħħu l-viżjoni għal Malta aktar ġusta għal kulħadd, filwaqt li rringrazzja lill-Ivan Bartolo li ħadem bi sħiħ biex tittella’ għal darb’oħra din il-konferenza fil-Parlament.
Il-konferenza kienet indirizzata wkoll mill-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech, il-Ministru Michael Falzon, Rosianne Cutajar u Graziella Attard Previ. Diversi cittadini u rappreżentanti ta’ istituzzjonijiet, rappreżentanti ta’ għaqdiet non-governattivi fost oħrajn indirizzaw ukoll lil dawk preżenti.