Il-prinċipji tal-ġustizzja soċjali huma dawk li kontinwament inebbħu l-ħidma tal-Gvern favur soċjetà aktar b’saħħitha, ġusta u ħanina.
Qal dan il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon fil-Parlament, waqt konferenza f’seduta speċjali li saret fil-ġimgħa li ċċelebrat il-ġustizzja soċjali.
Il-Ministru nnota kif l-investiment soċjali tul is-sena li għaddiet, laħaq is-somma ta’ wieħed punt tlieta biljun ewro, biex jiġu mgħejjuna dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà.
Huwa elenka diversi miżuri soċjali li ttieħdu u baqgħu jiġu sostnuti tul is-snin u oħrajn ġodda li ġew introdotti fl-aħħar xhur, biex jilqgħu għal sfidi internazzjonali li pajjiżna m’għandux kontroll fuqhom.
Fost dawk li tkellmu f’din il-konferenza, kien hemm id-Deputata Laburista Katya Degiovanni, li qalet kif il-ġustizzja soċjali tirrikjedi sforz kollettiv mingħand kulħadd, inkluż iċ-ċittadin li jgħix ħajtu ta’ kuljum.